Friday, November 15, 2024

Mijiet ta’ persuni investigati b’rabta mal-bini mġarraf fit-terremoti tat-Turkija u s-Sirja

184 persuna, fosthom kuntratturi u sidien arrestati

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn 600 persuna qegħdin jiġu investigati b’rabta mal-bini li ġġarraf fit-terremoti tas-6 ta’ Frar li s’issa hu stmat li ħallew iżjed minn 50,000 vittma fit-Turkija u fis-Sirja.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Tork Bekir Bozdag ikkonferma li mal-184 suspettat fosthom kuntratturi u sidien tal-proprjetà diġà ġew arrestati. F’aġġornament televiżiv, Bozdag ikkonferma li l-investigazzjonijiet komplew jinfirxu u li wara li ġimagħtejn ilu kien ħabbar li nħarġu aktar minn 110 mandati t’arrest, din id-dikjrazzjoni tiegħu proprju tikkonferma li l-investigazzjonijiet ma waqfux.

Skont rapporti fil-midja Torka, fost dawk arrestati hemm Sindku ta’ wieħed mill-irħula viċin iż-żona milquta mit-terremoti.

Partiti fl-Oppożizzjoni u esperti fil-qasam tal-kostruzzjoni akkużaw lill-amministrazzjoni tal-President Recep Tayyip Erdogan li skonthom falliet milli tinforza, tirregolizza u agħar minn hekk tipprova tiżvija mill-ħtija ta’ dan id-diżastru.

Għal snin sħaħ, esperti wissew li l-korruzzjoni u l-politika tal-gvern Tork kienet qiegħda tippermetti l-bini ta’ binijiet li ma kinux siguri.

Kawża tat-terremoti, aktar minn 160,000 binja ġġarrfu jew sofrew ħsarat estensivi u dan wassal għal iżjed mistoqsijiet rigward jekk l-impatt tad-diżastru naturali kienx iżjed qawwi minħabba nuqqasijiet minn persuni fil-qasam.

Bl-elezzjonijiet li qegħdin ikomplu joqorbu, il-futur ta’ Erdogan jinsab imċajpar wara aktar minn 20 sena fil-poter. Filwaqt li l-appelli tiegħu għall-għaqda nazzjonali waqgħu fuq widnejn torox, id-diskorsi tiegħu xejn ma għenu. Fost affarijiet oħra huwa pprova jixħet il-ħtija fuq id-destin u qal li dawn l-affarijiet dejjem ġraw u li kellu jkun parti mid-destin li jseħħ id-diżastru li seħħ.

Ekonomija

Sport