Is-Sindku tax-Xagħra Għawdex Dr Christian Zammit fl-aħħar jiem spiċċa fil-mira ta’ mijiet ta’ nsulti hekk kif ressaq proposta dwar jiem alternattivi ta’ sewqan skont il-pjanċi tal-vetturi privati.
Kien fil-bidu tal-ġimgħa meta Dr Zammit ressaq din il-proposta fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, u l-istess proposta spiċċat daret dawra sew fuq il-midja soċjali.
Fil-jiem ta’ wara li ressaq din il-proposta s-Sindku uża l-istess profil fejn qal li “xi ħsibijiet waqt li nitbissem jien u naqra wħud mill-mijiet ta’ nsulti li rċivejt… wara li pproponejt jiem alternattivi ta’ sewqan skont il-pjanċi tal-vetturi privati, u network u skeda aktar estensiva għat-trasport pubbliku, għal din Malta tagħna ippakkjata u mblukkata.”
Is-Sindku tax-Xagħra hu magħruf sew kemm għandu għal qalbu l-ambjent u kemm-il darba semma’ l-vuċi tiegħu kontra żvilupp aggressiv li jkun qed isir fil-pajjiż.
Dr Zammit sostna li “l-bidla hija aljena għall-poplu Malti. U dan hu mistenni. Innutajt dan meta l-Kunsill Lokali tax-Xagħra fl-2019 kien l-ewwel wieħed f’Għawdex li beda jagħlaq il-pjazza ewlenija għat-traffiku għal ftit siegħat fil-ġimgħa. L-istess reżistenza innutajtha meta ftit ġimgħat wara qtajna l-bars illegali waqt il-festa tal-Vitorja, jew meta ftit xhur wara nidejna numru ta’ toroq one-way fil-qalba tar-raħal.”
Hu kompla jgħid li dan kollu hu loġiku. Is-sistema edukattiva tagħna hija waħda bħal ta’ pappagall li fiha qatt ma niddubitaw jew insaqsu, u minn età tenera jibbumbardjawna liid-dogma ma tistax tiġi mistoqsija, kemm jekk hi reliġjuża jew politika.
Is-Sindku kiteb li hu evidenti kemm ir-razziżmu għadu ħaj ħafna. “Nattakkaw lill-barranin għal kull ħaġa. U ninsew li huwa grazzi għal dawn il-barranin li ż-żibel tagħna qed jinġabar, l-ikel tagħna jitwassal fis-supermarket jew fir-ristorant jew id-dar, jew inkella issewwa t-TV tagħna.:
Fi tmiem il-post Dr Zammit qal li l-insulti jtiru ‘l hemm u ‘l hawn liberament meta ma naċċettawx proposta oħra. “Dan huwa ovvju f’pajjiż li fih il-il-bullies u l-ħamalli jirrenjaw supremi,” temm jgħid is-Sindku tax-Xagħra.