Saturday, December 21, 2024

Mijiet ta’ studenti jgawdu l-esperjenza edukattiva u divertenti ta’ Ġnien Dinja Waħda

Aqra wkoll

Mijiet ta’ studenti qed igawdu l-esperjenza edukattiva u divertenti li joffri Ġnien Dinja Waħda f’Għar Dalam. Hu stmat li sa tmiem is-sena skolastika kurrenti mat-350 tifel u tifla se jkunu bbenefikaw mill-programm edukattiv imħejji apposta għalihom f’dan il-ġnien, lil hinn mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi. 

Bejn Ottubru u Diċembru li għaddew, kien hemm sitt skejjel primarji li studenti tagħhom ħadu sehem fil-programm edukattiv ta’ Ġnien Dinja Waħda. Uħud milliskejjel ikkonkorrew b’aktar minn klassi waħda u fil-fatt fil-perjodu msemmi saru b’kollox għaxar sessjonijiet. 

F’Marzu u f’April li ġejjin se jsiru għaxar sessjonijiet oħra, bil-parteċipazzjoni ta’ ħames skejjel primarji, biex b’hekk ikunu ġew utilizzati s-sessjonijiet kollha disponibbli għal din is-sena skolastika. 

Ġnien Dinja Waħda nfetaħ f’Ottubru li għadda meta Heritage Malta, li hija fdata bil-ħarsien tas-sit preistoriku ta’ Għar Dalam, bdiet tipprovdi l-ispazju tal-post għall-użu ta’ viżitaturi ta’ kull età, b’aċċenn partikolari fuq tfal tas-Sitt Sena taliskola primarja. Heritage Malta tagħmel tajjeb ukoll għall-ispejjeż tat-trasport ta’ dawn l-istudenti mill-iskola lejn is-sit u lura. 

Il-ġnien isegwi l-passi ta’ spazji simili li nħolqu f’xi istituzzjonijiet edukattivi bl-għajnuna ta’ BirdLife Malta, bl-għan li l-istudenti jħossuhom imwaħħdin mannatura u jitgħallmu b’mod prattiku minflok b’mod astratt. Fil-ġnien hemm siġar u pjanti indiġeni u endemiċi, għadira fejn jgħixu diversi ħlejjaq, kif ukoll xi bankijiet. Il-post b’hekk jagħti l-opportunità lit-tfal biex josservaw bosta speċi tal-art u tal-ilma fl-ambjent naturali tagħhom. 

Ġnien Dinja Waħda hu miftuħ għal kull min iżur Għar Dalam, kemm individwalment kif ukoll fi gruppi, iżda għalissa Heritage Malta qed toffri l-programm edukattiv biss lill-istudenti tas-Sitt Sena. Għal dan il-programm kull klassi tinqasam fi gruppi, b’kull grupp jieħu sehem f’attivitajiet differenti li jalternaw. 

L-attivitajiet ivarjaw minn osservazzjoni tal-ħlejjaq li jgħixu fl-għadira, bi spjegazzjoni mill-kuratur ta’ Għar Dalam, għal żjarat fl-għar innifsu biex it-tfal jitgħallmu dwaru mill-aspett ta’ abitat naturali għal diversi ħlejjaq, kif ukoll attività fejn it-tfal jittrasferixxu fuq karta d-disinji naturali taz-zkuk tas-siġar. 

Barra minn hekk, it-tfal jiżirgħu żerriegħa ta’ siġar indiġeni li jeħduhom magħhom liskola biex jieħdu ħsiebhom. ’Il quddiem dawn jinġabru minn Heritage Malta biex jitħawlu f’Għar Dalam u f’siti oħra tal-aġenzija.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod pożittiv ħafna li bih intlaqgħet din l-inizjattiva tal-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali. Huwa enfasizza s-siwi ta’ inizjattivi bħal dawn, li joffru mezzi alternattivi ta’ tagħlim għat-tfal. Fakkar ukoll li Heritage Malta hija impenjata favur il-ħarsien tal-ambjent, anke b’diversi inizjattivi interni bħal dik li ħadet issena li għaddiet biex l-impjegati tagħha jiżirgħu fi djarhom siġar li ’l quddiem se jitħawlu f’siti tal-aġenzija stess.

Ekonomija

Sport