Ilbieraħ filgħaxija, mijiet ta’ persuni nġabru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta biex jipparteċipaw f’attivitajiet li jimmarkaw Earth Hour, moviment ambjentali madwar id-dinja favur l-enerġija sostenibbli u l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika ngħaqad għal darb’oħra ma’ aktar minn 190 pajjiż sabiex jorganizza dan l-avveniment. Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi stakeholders, bejn it-8.30pm u d-9.30pm, intfew landmarks u binjiet madwar Malta u Għawdex f’ġest kollettiv għal Earth Hour. Il-parteċipanti poġġew xemgħat quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru, li jiffurmaw il-logo tal-avveniment Earth Hour ‘60’.

Francine Pace Caruana, Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess ministeru, qalet li l-għan ta’ din l-inizjattiva hu li titqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima u l-użu responsabbli tal-enerġija u riżorsi oħra. “Bidliet żgħar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jistgħu jagħmlu differenza,” żiedet Pace Caruana.
Sabiex inkomplu nsaħħu l-messaġġ li kulħadd jista’ jingħaqad biex jagħmel differenza pożittiva, l-attivitajiet ta’ Earth Hour fil-Belt Valletta kienu jinkludu fost l-oħrajn marċ mill-banda tal-iscouts ta’ Bormla minn Pjazza Tritoni sa Pjazza San Ġorġ. Minbarra d-divertiment lokali, entitajiet fi ħdan il-ministeru, fosthom Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Circular Economy Malta, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Wasteserv, il-Climate Action Authority, Project Green, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, u l-kampanja Saving Our Blue, ingħaqdu mal-avveniment sabiex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà permezz ta’ attivitajiet interattivi.
Il-pubbliku kellu ċ-ċans li jgawdi minn proġezzjoni awdjoviżiva mal-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru, fejn ġiet enfasizzata l-ħtieġa li nħarsu l-ambjent tagħna billi nkunu involuti b’mod attiv u napprezzaw l-ambjent ta’ madwarna.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ukoll isegwi l-mezzi tal-midja soċjali ta’ Sostenibilità għal aktar attivitajiet u informazzjoni.