Mikel Arteta qal li jrid jieħu lil Arsenal fil-“livell li jmiss” wara li ffirma kuntratt ġdid li jżommu mal-club tal-Premier League sal-2025.
Il-manager ta’ 40 sena, li ħa f’idejh lill-club mill-Emirates Stadium f’Diċembru 2019 wara t-tkeċċija ta’ Unai Emery, jinsab viċin li jmexxi lill-Gunners lura fiċ-Champions League wara assenza ta’ ħames snin.
Arsenal jinsabu fir-raba’ post fil-klassifika tal-Premier League, żewġ punti vantaġġ fuq ir-rivali tat-tramuntana ta’ Londra, Tottenham, b’erba’ logħbiet biss għat-tmiem.
L-Ispanjol qal il-Ġimgħa li kien “verament kuntent” li ffirma l-ftehim il-ġdid tiegħu mal-club li kien captain tiegħu meta kien player.
“Irridu nieħdu l-club għal-livell li jmiss u nikkompetu verament mat-timijiet ta’ fuq,” huwa qal.
“Biex nagħmlu dan, irridu nkunu qed nilagħbu fiċ-Champions League. Irridu nkunu kapaċi nevolvu t-team, intejbu lill-players tagħna, intejbu d-dipartimenti kollha, niġġeneraw saħansitra aktar konnessjoni mal-partitarji tagħna, intejbu l-atmosfera fl-Emirates Stadium, inkunu nistgħu nakkwistaw l-aqwa talent u l-aqwa nies biex dan il-club jilħaq il-livell mixtieq.”