Il-manager ta’ Arsenal, Mikel Arteta, sostna li Martin Odegaard għandu “l-kwalitajiet kollha” biex xi darba ikun il-captain tal-club mit-Tramuntana ta’ Londra.
Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena – li diġà jilbes il-faxxa tat-tim nazzjonali tan-Norveġja – ħalla impressjoni pożittiva fejn irreġistra erba’ goals u tliet assists f’21 ħarġa tal-Premier League dan l-istaġun.
Odegaard issemma’ li seta’ jsir il-captain ta’ Arsenal wara l-eżilju ta’ Pierre-Emerick Aubameyang mill-grupp, iżda Arteta minflok għażel li jgħaddi r-responsabbiltà f’idejn Alexandre Lacazette.
Il-manager tal-Gunners għadu jemmen li l-ex player ta’ Real Madrid huwa idoneu li jkun il-captain tal-club, madankollu, qal lill-istampa: “Hu ċertament għandu l-kwalitajiet kollha biex jagħmel dan, assolutament.”
Odegaard lagħab disa’ logħbiet bħala captain tan-Norveġja s’issa u rreġistra żewġ goals u żewġ assists f’20 logħba għal Arsenal matul l-esperjenza ta’ self tiegħu mingħand Real Madrid fl-istaġun li għadda.