Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol javża li mil-lum l-1 t’Ottubru 2025, jidħol fis-seħħ l-obbligu legali li kwalunkwe pagi miksuba minn jew pagabbli lil ċittadin ta’ pajjiż terz għandhom jitħallsu esklussivament permezz ta’ trasferiment bankarju f’kont miżmum f’isem l-impjegat jew permezz ta’ trasferiment elettroniku ffaċilitat minn istituzzjoni finanzjarja akkreditata u liċenzjata. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li l-impjieg tagħhom jibda fl-1 ta’ Ottubru 2025 jew sussegwentement.
Dan hekk kif qed jidħol fis-seħħ il-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali dwar il-Labour Migration Policy.
Dawn il-miżuri ser ikomplu jibnu fuq l-impenn tal-Gvern, imniedi għall-ewwel darba bid-dokument ta’ konsultazzjoni f’Jannar 2025, li jpoġġi l-ħaddiem fiċ-ċentru tal-politika tax-xogħol, filwaqt li jsaħħaħ it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-infurzar kontra l-abbuż.
Dan kif qed jiġu implimentati dawn il-Prinċipji Ewlenin:
- Protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema: Dinjità fuq il-post tax-xogħol, pagi ġusti u kundizzjonijiet siguri għal kull min jaħdem f’Malta.
- Ebda tolleranza għall-abbuż: Min jinqabad jabbuża minn ħaddiema, Maltin jew barranin, se jiffaċċja sanzjonijiet, inkluż skwalifika milli jħaddem aktar ħaddiema barranin għal perjodu ta’ żmien stabbilit.
- Trasparenza fil-ħlas tal-pagi: Il-ħlas elettroniku joħloq rekord ċar li jippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw il-konformità mal-kuntratti u l-obbligi tat-taxxa.
- Implimentazzjoni gradwali u ġusta: Il-liġi l-ġdida se tapplika għal ħaddiema barranin ġodda ingaġġati minn Ottubru 2025 ’il quddiem, kif ukoll għal min ikun qed jibdel il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li, “Abbuż kontra ħaddiem wieħed ifisser abbuż kontra l-ħaddiema kollha. Dan il-Gvern ma jaċċetta l-ebda prattika li toffendi d-dinjità tal-ħaddiema jew tfixkel l-integrità tas-suq tax-xogħol tagħna. Billi nintroduċu l-obbligu ta’ ħlas elettroniku, qed nipproteġu lill-ħaddiema kollha u niżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi.”
Il-Labour Migration Policy kienet iffurmata wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa, li rriżultat f’aktar minn 300 sottomissjoni minn industrija, unjins, partijiet soċjali, NGOs u l-pubbliku ġenerali. Il-feedback kien kruċjali biex jiġu rfinati l-miżuri li issa qed jiġu implimentati b’mod gradwali.