Bħala parti mit-tħejjijiet għall-Quddies fil-knejjes bil-preżenza tal-pubbliku mil-lum, is-Sibt u għada l-Ħadd, ġiet ippublikata lista tal-ħinijiet tal-Quddies li se jkun iċċelebrat fid-diversi parroċċi.
Din il-lista hija aċċessibbli fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt u fiha wieħed isib ukoll l-għadd ta’ postijiet disponibbli f’kull knisja skont il-miżuri ta’ distanza soċjali. Numru ta’ parroċċi qed jimplimentaw ukoll sistema ta’ booking online li ġiet żviluppata mill-Kurja tal-Arċisqof, u li permezz tagħha numru limitat ta’ postijiet fil-knisja jistgħu jiġu riżervati permezz ta’ din il-formola online. Is-sistema hija aċċessibbli fuq l-istess website mal-lista ta’ ħinijiet tal-Quddies.




L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħejjiet ukoll filmat qasir biex tispjega kif wieħed faċilment jista’ jieħu sehem fil-Quddies bil-miżuri ta’ prekawzjoni l-ġodda, inkluż l-użu tal-maskri jew il-visor waqt il-Quddiesa. Il-filmat juri wkoll kif wieħed għandu jżomm id-distanza soċjali waqt iċ-ċelebrazzjonijiet u kif għandu jsir it-tqarbin.
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fakkru li d-dispensa tal-obbligu tal-Quddies tal-Ħadd għadha fis-seħħ. Il-Quddiesa ta’ kuljum se tibqa’ tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.