Saturday, November 9, 2024

Mil-lum jibda t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd

F’Novembru jiftħu l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni tal-kreditu

Aqra wkoll

Kif imwiegħed fil-Budget għas-sena 2022, mil-lum se tidħol fis-seħħ il-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kull Malti u Għawdxi residenti f’Malta jew f’Għawdex.

Permezz ta’ din il-miżura, ħaddiema li ta’ kuljum jagħmlu użu mit-trasport pubbliku se jiffrankaw ’il fuq minn €300 fis-sena.

F’kummenti ma’ talk.mt dwar din il-ġurnata tant mistennija, id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport Daniel Grech qalilna li kull min għandu Tallinja Card personalizzata, jiġfieri bir-ritratt tal-persuna flimkien mad-dettalji personali, se jkun jista’ jivvjaġġa b’xejn fuq rotot ta’ matul il-ġurnata, ta’ matul il-lejl u servizzi speċjali. L-aġġornament se jsir awtomatikament, pero passiġġieri li jitilgħu fuq il-karozza tal-linja xorta waħda għandhom jivvalidaw it-Tallinja Card tagħhom mal-magna tal-biljetti fuq il-karozza tal-linja. Spjega li passiġġieri mingħajr it-Tallinja Card se jkunu obbligati jħallsu għal biljett bi flus kontanti jew pagament contactless jew kard mhux personalizzata mat-tlugħ tagħhom. Se jsiru spezzjonijiet għall-għarrieda minn spetturi ta’ Malta Public Transport biex jivverifikaw li l-passiġġieri tal-karozza tal-linja qed jużaw it-Tallinja Card tagħhom jew inkella li jkunu xtraw biljetti. Min jinsab li kien mingħajr Tallinja Card jew biljett se jitħarrek b’multa ta’ €50.

Grech kompla biex jgħidilna li ma hemm bżonn l-ebda kreditu għall-ivvjaġġar fuq Rotot tal-Ġurnata, Rotot ta’ matul il-Lejl jew vjaġġi ta’ Servizz Speċjali, pero xorta waħda se jkollhom bżonn kreditu fuq it-Tallinja Card personalizzata tagħhom sabiex jivvjaġġaw fuq Tallinja Direct jew Tallinja On Demand. Dan jista’ jintuża wkoll biex persuna tibbenefika minn rati mraħħsa fuq servizzi oħra ta’ mobilità, bħal Tallinja Bike u Valletta Ferry Services. 

Persuni li jixtiequ rifużjoni għall-kreditu tagħhom jistgħu japplikaw onlajn mill-1 ta’ Novembru 2022 permezz tas-sit ta’ Malta Public Transport. Se tkun applikata tariffa amministrattiva għal kull applikazzjoni għal rifużjoni.

Sport