Thursday, November 14, 2024

Mil-lum jintlagħbu l-kwart-finali tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Mil-lum jibdew jintlagħbu l-kwarti-finali tal-UEFA Champions Lea­gue fejn kull team jinsab biċ-ċans li jikkwali­fika hekk kif l-erba’ partiti huma kollha bilanċjati. 

Benfica v Liverpool – Benfica jilqgħu lil Liverpool fejn jimmiraw li jwettqu “sorpriża” minħabba l-fatt li Liverpool huma fost il-favoriti li jirbħu din il-kompetizzjoni. 

Peró xorta waħda jippossjiedu talenti straordinarji li jistgħu jdawru r-riżultat. Din kienet l-ewwel darba li dan it-team Portugiż wasal sa dan l-istadju bil-format il-ġdid. 

Min-naħa tagħhom, din hija l-ewwel logħba għal Liverpool minn sensiela ta’ partiti diffiċli matul dan ix-xahar. 

Biex waslu s’hawn Benfica għelbu lil Ajax b’aggregate ta’ 3-2 filwaqt li Liverpool għelbu lil Inter 2-1.

Huma se jkunu min­għajr l-imweġġa’ Curtis Jo­nes filwaqt li Joel Matip huwa dubjuż.

Rodrigo Pinho u Adel Taraabt se jkunu neqsin għal Benfica filwaqt li Ha­ris Seferovic mistenni jibda mill-bidu.

Man City v Atletico Madrid – Din hija partita delikata għaż-żewġ timijiet. 

Is-Citizens jibdew bħala favoriti iżda huma se jiffaċċjaw team li elimina lil Manchester Uni­ted fir-round preċedenti, b’aggregate ta’ 2-1. 

Fir-round tal-Aħħar 16, it-team Ingliż għeleb lil Sporting Lisbon b’aggregate ta’ 5-0. Iżda Atletico huma team totalment differenti u għaldaqstant is-City jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji u jridu wkoll jaddattaw sistema totalment differenti. 

Guardiola ma jistax jinkludi lis-sospiż Kyle Wal­ker filwaqt li Ruben Dias u Cole Palmer qed jirkupraw minn injury. 

Il-Madrileni għandhom lil Yannick Carrasco u Hector Herrera sospiżi filwaqt li se jkunu msaħħa mir-ritorn ta’ Rodrigo De Paul u Renan Lodi. 

Chelsea v Real Mad­rid – Real Madrid imorru Londra fejn jimmiraw li jwettqu vendetta sportiva fuq Chelsea wara li dawn tal-aħħar kienu eliminawhom fis-semi-finali fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet u baqgħu sejrin biex rebħu l-kompetizzjoni. 

Iż-żewġ timijiet kellhom riżultati mħallta fl-aħħar partita mill-kampjonat domestiku. 

Filwaqt li l-Madrileni għelbu lil Celta Vigo bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn penalties ta’ Karim Benzema, Chelsea ġew umiljati f’darhom minn Brentford bl-iskor ta’ 4-1. 

Biex waslu mal-aħħar tmienja, Real għelbu lil Paris St Germain b’aggregate ta’ 3-2 filwaqt li Chelsea għelbu lil Lille bl-iskor ta’ 4-1. 

Iż-żewġ timjiet għandhom il-players kollha għad- dispożizzjoni.

Villarreal v Bayern Munich – Villarreal jospitaw lil Bayern Munich wara li fir-round preċedenti elimi­naw li Juventus b’aggregate ta’ 4-1 u għaldaqstant jinżlu għal dan il-konfront b’moral mill-aktar għoli.

Iżda huma jridu jagħrfu kif se jwaqqfu lill-attakkant perikoluż, Robert Lewandowski, li kellu sehem kbir fir-rebħa fuq RB Salzburg, b’aggregate ta’ 7-1 … meta skorja tliet goals. 

Fil-veritá, Bayern jibdew bħala favoriti iżda, bla dubju, mhux se tkun passiġġata għalihom kon­xji mill-fatt li l-Ispanjoli ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 għand Juventus. 

Villarreal għandhom lil Alberto Moreno mweġġa’ filwaqt li l-Bavarjani għand­hom lil Corentin To­lisso, Eric Choupo Moting u Alphonso Davis, indisposti, għax qed jirkupraw minn injury. 

Ekonomija

Sport