Illum u nhar it-Tnejn li ġej l-Izibet FA Trophy tieħu post il-BOV Kampjonat Premier meta jintlagħbu l-kwarti-finali fejn l-aktar waħda attraenti hija dik bejn Hamrun Spartans u Hibernians filwaqt li l-uniku team miċ-Challenge League, Marsaxlokk, li wkoll ġew promossi għall-ogħla diviżjoni, jaffrontaw lil Valletta.
Min-naħa l-oħra, Floriana jiffaċċjaw lil Birkirkara filwaqt li Gzira United jilagħbu kontra Sta Lucia.
F’laqgħa mal-ġurnalisti, rappreżentant minn kull team, kellhom iċ-ċans li jwieġbu għal mistoqsijiet dwar dawn il-konfronti.
Marsaxlokk v Valletta
Marsaxlokk ġejjin minn staġun eċċellenti meta kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier.
Huma spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A meta kisbu 41 punt minn 20 partita. Skond il-coach Pablo Doffo, dan kien staġun li jibqa’ jiftakar filwaqt li sostna li l-logħba kontra Valletta mhux se tkun faċli u għalkemm dawn tal-aħħar jibdew bħala favoriti, huma se jagħtu l-aqwa tagħhom għal din il-partita.
Valletta, li jinsabu fl-ewwel post tal-Play-Out Round tal-Kampjonat Premier kellhom staġun diżappuntanti u għaldaqstant qed jimmiraw li jirbħu din it-trofew biex itemmu l-istaġun fuq nota mill-aktar pożittiva u anke tarahom fl-Europa League.
Il-coach, Danilo Doncic, sostna li din it-tip ta’ partita kontra Marsaxlokk tista’ tkun xi ftit diffiċli speċjalment meta l-pressjoni tinsab fuq it-team tiegħu li fuq il-karta jibda favorit li jikseb post mal-aħħar erbgħa.
Kien għalhekk li wissa lill-players tiegħu biex ikunu konċentrati għax fil- veritá x-Xlukkajri m’għandhom xejn x’jitilfu.
Hamrun S. v Hibernians
Din il-kompetizzjoni hija l-aħħar ċans għal Hamrun Spartans biex jirbħu unur wara staġun mill-aktar diżappuntanti fejn kien mistenni ħafna aktar minnhom.
Skond il-coach, Branko Nisevic, l-Ispartans qed jimmiraw li jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej u għalhekk se jagħmlu minn kollox biex jikkwalifikaw għas-semi-finali hekk kif għandhom konfront mill-aktar diffiċli kontra Hibernians.
Il-Pawlisti huma l-leaders tal-Kampjonat Premier u b’ċans tajjeb li jirbħu t-titlu meta jinsab b’żewġ punti vantaġġ fuq Floriana meta fadal tliet partiti biex jintemm l-istaġun.
L-assistent coach ta’ Hibernians, Ryan Pulis, sostna li għalkemm il-mira tagħhom hija li jirbħu l-kampjonat, anke l-FA Trophy fiha l-valur tagħha u huwa għalhekk li se jieħdu l-logħba kontra l-Ispartans b’serjetá kbira għax rebħa tkompli tagħtihom injezzjoni morali.
Gzira U. v Sta Lucia
Gzira United kellhom staġun ta’ tlugħ u nżul minħabba l-bosta injuries fejn il-coach, Darren Abdilla, aċċenna li kien staġun mill-aktar diffiċli fejn ma setgħux juru l-potenzjal massimu tiegħu.
Iżda minkejja kollox, huma xorta waħda rnexxielhom itemmu fit-Top 6 u qed jissieltu wkoll għat-tielet post li jfisser kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League.
Iżda fuq kollox, Abdilla qal li jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom.
Sta Lucia jidhru li ġejjin f’tagħhom wara numru ta’ telfiet konsekuttivi fil-bidu ta’ dan l-istaġun.
L-għan tagħhom hu dak li jsalvaw mir-relegazzjoni u l-logħba kontra l-Maroons hija prova tajba biex ikomplu jippreparaw għall-aħħar tliet impenji ta’ dan l-istaġun.
Huma jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika fejn id-dwell ma’ Balzan se jibqa’ sejjer sal-aħħar biex wieħed minnhom jevita r- relegazzjoni.
L-assistant coach ta’ Santa Lucia, Brian Chetcuti, saħaq li kull logħba qed jeħduha b’serjetá kbira għalkemm l-għan ewlieni għal dan l-istaġun tibqa’ s-salvazzjoni.
Floriana v Birkirkara
Floriana, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, għandhom partita mill-aktar diffiċli kontra Birkirkara li jinsabu fit-tielet post tal-Kampjonat Premier.
Il-Greens huma konxji li d-destin tar-rebħ tat-titlu ma jinsabx f’idejhom u għaldaqstant qed iħarsu lejn il-kompetizzjoni b’importanza kbira.
Il-coach, Gianluca Atzori, stqarr dan kollu fejn qal ukoll li għandu rispett kbir lejn dan it-tieni unur prestiġjuż fil-football Malti.
Min-naħa ta’ Birkirkara, dawn qed iqisu l-logħob kollu li fadal bħala finali.
L-assistant coach tal-Istripes, Jonathan Holland, tenna li għalkemm bħalissa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier xorta waħda m’hemm l-ebda garanzija sat-tmiem minħabba li d-distakk bejnhom u t-timijiet l-oħra huwa ferm minimu.
Fil-fatt, il-partita kontra Floriana tista’ tkun deċiżiva anke dwar l-eżitu ta’ dan l-istaġun u għalhekk se jieħdu din il-partita b’serjetá kbira. Holland sostna li l-polza kienet waħda diffiċli għalkemm ammetta li f’din il-fażi kull team se jkun qed jagħti l-aħjar tiegħu biex jirbaħ din it-trofew.
L-Izibet FA Trophy qed tirritorna wara nuqqas ta’ sentejn minħabba li fl-aħħar żewġ staġuni din il-kompetizzjoni ġiet imwaqqfa minħabba l-pandemija tal- COVID-19.
L-aħħar team li rebaħ dan l-unur kienu Balzan li fil-finali għelbu lil Valletta bl-għoti tal-penalties 5-4 wara draw ta’ 2-2.