Friday, December 20, 2024

Mil-lum persuni omosesswali mhux se jibqgħu diskriminati bħala donaturi tad-demm

Titwettaq wegħda elettorali oħra fil-manifest tal-PL

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mil-lum mhux se jibqa’ jkun hemm ebda differenza li għandha x’taqsam ma’ bażi sesswali fejn jidħlu d-donaturi tad-demm”. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li kkwota l-proposta fuq il-manifest elettorali tal-Partit Laburista 668 li kienet tgħid li “wara li titneħħa l-projbizzjoni minn fuq l-għoti tad-demm fuq irġiel omosesswali se naraw li l-parametri li jirregolaw l-għoti tad-demm jiġi ugwali għal kulħadd”.

Chris Fearne qal li dan kollu seta’ jseħħ anke grazzi għal investiment f’apparat sensittiv li janalizza d-demm u li bih il-livell ta’ konfidenza li d-demm li jgħaddi lill-pazjenti huwa sigur ħafna u li għalhekk din id-diskriminazzjoni setgħet titneħħa.

Huwa spjega li sa qabel din l-aħbar, raġel li jkollu relazzjoni ma’ raġel sa perjodu ta’ sena ma setax ikun donatur tad-demm. Skont il-protokolli l-ġodda kull persuna li jkun ilha aktar minn erba’ xhur f’relazzjoni sesswali ġdida se tkun tista’ tagħti d-demm sakemm ma jkunx hemm periklu għal saħħitha jew għall-pazjenti li jkunu se jirċievu d-donazzjoni tad-demm.

Fearne spjega li hemm diversi sitwazzjonijiet fejn persuni bħal dawk li jbatu bl-enemija ma jkunux jistgħu jagħtu donazzjonijiet ta’ demm biex inħarsu saħħithom stess u każijiet fejn biex ikunu protetti l-pazjenti hemm persuni li ma jkunux jistgħu jagħtu d-demm minħabba riskju li jgħaddi xi infezzjoni permezz ta’ donazzjonijiet ta’ demm. Fost dawn il-Ministru tas-Saħħa qal li hemm dawk il-persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi li fihom hemm il-Malarja u dawk il-persuni li għandhom lifestyle ta riskju għoli bħalma huma dawk li jabbużaw bid-droga fil-vina.

Id-Deputat Prim Ministru appella lil dawk li jinsabu mħajrin li jagħtu donazzjoni ta’ demm u qal li din hija l-ikbar att ta’ ġenerożità li wieħed jista’ jagħmel. Huwa spjega li wkoll li s-sena li għaddiet kien hemm 16,500 donatur u li minnhom kien hemm 1,200 li resqu biex jagħtu l-ewwel donazzjoni tagħhom. Qal ukoll li d-domanda f’pajjiżna hija ta’ madwar 45 unit kuljum u li għalhekk f’sena jammontaw għall-istess ammont ta’ donazzjonijiet li huma stmati li ngħataw fuq medda ta’ sena fis-sena li għaddiet.

Huwa qal li dawn iċ-ċifri għandhom iservu biex tinħoloq iżjed kuxjenza dwar l-importanza li d-donaturi jkomplu jiżdiedu anke minħabba l-fatt li mingħajrhom jista’ jkun hawn sitwazzjonijiet ta’ persuni – minn trabi sa anzjani – li jkollhom jistennew għal interventi fl-Isptarijiet tagħna.

Ekonomija

Sport