Dawk li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom is-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank, mil-lum se jkunu jistgħu japplikaw għall-għotja ta’ €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin. Huwa stmat li fl-ewwel sena ta’ din l-iskema se jgawdu mat-3,000 first time buyer.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja li fiha ngħataw dettalji dwar din il-miżura, li qiegħda titwettaq f’inqas minn sena mit-tħabbira tagħha waqt il-kampanja elettorali u se tingħaqad ma’ wegħdi importanti oħra li diġà twettqu.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-għan wara din l-għotja huwa wieħed ċar, li l-Gvern jgħin liż-żgħażagħ biex il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ewwel ma tkunx piż iżda ħolma sabiħa.
Il-Prim Ministru spjega li l-isfidi tal-first-time buyers nafuhom biżżejjed, ir-rieda li jiksbu d-dar tagħhom biex fiha jibnu l-futur u l-familja tagħhom fiż-żmien li qed iwittu l-karriera tagħhom. Bil-Gvern irid ikun magħhom fl-ewwel passi ta’ dan il-vjaġġ, li jkunu l-aktar iebsin mill-vjaġġ kollu.
Din l-iskema se tkun qed tingħaqad mal-ħafna li l-Gvern daħħal matul is-snin maħsuba għal dan il-għan. Uħud maħsuba għal ħafna bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, oħrajn għal dawk f’ċirkostanzi partikolari bħall-iskemi Equity Sharing u New Hope, kollha bl-għan qawwi ta’ ġustizzja soċjali.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan hu l-iktar Gvern li ħadem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Bil-prinċipju jkun li f’dan il-pajjiż kulħadd ikun jista’ jwettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex jasal fejn jixtieq. Għan li qed jintlaħaq għaliex dan hu Gvern li l-kelma li jagħti jżommha u hu determinat li jkompli jġib din il-bidla pożittiva f’ħajjet in-nies.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes saħaq li din l-għotja tidħol perfettament f’dik li hija l-kullana ta’ servizzi, għajnuniet, u skemi li l-Gvern ġab fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin fis-settur tal-akkomodazzjoni. Settur reżiljenti minkejja l-isfidi kollha li qed tesperjenza d-dinja għaliex dan il-Gvern qatt ma abbanduna lil dawk li qed ifittxu li jaċċessaw is-suq tal-proprjetà, anzi qed inżidu l-inizjattivi sabiex kull min jaħdem u jistinka biex jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu jkun aġevolat mill-Istat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li llum il-ġurnata qegħdin naraw kif l-awtorità espandiet il-ħidma tagħha u ma għadiex assoċċjata biss mal-akkomodazzjoni soċjali. Illum l-awtorità għandha rwol importanti li ssegwi u tirregola s-settur biex tassigura li jibqa’ wieħed li jaħdem għal kulħadd.
Din l-għotja mhux se tkun soġġetta għal test tal-mezzi u l-Awtorità tad-Djar se tkun qed toħroġ il-pagamenti annwali fix-xahar ta’ Ġunju, permezz ta’ bank transfer direttament fil-kont tal-applikant, jekk huwa benefiċjarju waħdu, jew fil-kont konġunt fil-każ li l-applikanti jkunu koppja.
L-applikanti li jkunu xtraw l-ewwel dar residenzjali tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2022 għandhom sal-31 ta’ Mejju 2023 sabiex japplikaw u jirċievu l-ewwel pagament f’Ġunju tal-2023. F’każ ta’ kuntratti li saru fl-2023, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa Marzu 2024, bl-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2024.
L-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jiġu aċċessati mis-sit housingauthority.gov.mt.