Minħabba li għada se ssir l-elezzjoni għall-presidenza tal-Malta Football Association, illum jingħata bidu għall-21 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, bil- partita bejn Birkirkara u Naxxar Lions.
Din il-logħba, li se tintlagħab f’Tony Bezzina Stadium, se tibda fis-6.00 pm.
Dan huwa konfront bejn team li qed jimmira li jispiċċa fir-raba’ post li jista’ jfisser biljett għall-kompetizzjoni tal-UEFA Conference u team li nqabad fit-taqtiegħa tar-relegazzjoni u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Birkirkara jinsabu fir-raba’ post flimkien ma’ Marsaxlokk bi 30 punt filwaqt li Naxxar qed jaqsmu s-seba’ post ma’ Gzira United b’25 punt … tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
L-uniku player sospiż huwa l-Brażiljan ta’ Naxxar, Elizeu.
Fl-ewwel round, in-Naxxarin kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.