Saturday, December 28, 2024

Mil-lum tibda uffiċjalment il-ġimgħa ddedikata għal persuni b’diżabbiltà

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum il-Ħamis 3 ta’ Diċembru huwa l-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà. Il-Kummissjoni Maltija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà għażlet it-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għal din is-sena: Not all disabilities are visible bil-għan li titqajjem iżjed kuxjenza dwar diżabbiltajiet li mhumiex daqshekk viżibbli. Dawn jinkludu kundizzjonjiet bħal ADHD, l-awtiżmu, fibromyalgia, u problemi newroloġiċi fost l-oħrajn. 

L-aħħar riċerka turi li hawn madwar 35,000 persuna b’diżabbiltà fejn 20,620 huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ltaqgħet ma’ Josef Farrugia, persuna b’diżabbiltà li 36 sena ilu kien fuq l-istess bank tal-iskola mal-Ministru Julia Farrugia Portelli, dakinhar tifla ta’ 7 snin.

Il-Ministru qalet kif minn dak iż-żmien bdiet tifhem x’inhi l-kelma diżabbiltà hekk kif Josef kien talab l-għajnuna tagħha waqt eżerċizzju li ġew mitluba jagħmlu mill-għalliema tagħhom.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kemm hu ta’ sodisfazzjon għaliha u iżjed u iżjed għall-persuni b’diżabbiltà li l-ħtiġijiet tagħhom għall-ewwel darba telgħu fuq livell ministerjali.

“Aktar minn qatt qabel l-għan tal-Ministeru hu li d-diżabbiltà tittella’ fuq pjattaforma nazzjonali u b’mod konkret is-soċjetà tkun iżjed sensittiva għall-isfidi li qed jgħixu ta’ kuljum dawn il-persuni u l-qraba tagħhom. L-għarfien għandu jibda sa minn eta` ċkejkna inkluż b’kampanji edukattivi li jipprovdu għarfien dwar kif in-nies għandhom iġibu ruħhom f’każijiet ta’ diżabbiltà”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Spjegat kif bħalissa għaddejja ħidma fuq numru ta’ liġijiet biex jitkomplew jissaħħu d-drittijiet tal-persuni f’dan is-settur, u biex il-kelma inklużjoni titwettaq fil-mod wiesa tagħha.

“Dan hu Gvern li se jkompli jimbotta l-kunċett ta’ djar fil-komunità għall-persuni bi sfidi differenti, u fl-istess waqt iserraħ moħħ il-ġenituri li uliedhom se jkollhom min iwiżinhom anke meta huma jikbru fl-eta’ jew jiġu nieqsa.”

Min-naħa tiegħu Josef Farrugia faħħar il-ħidma tal-Gvern u qal li jħossu ferm grat li issa hemm Ministeru kompletament iffukat fuq il-ħtiġijiet ta’ persuni bħalu. Sostna li emozzjona ruħu li l-ewwel persuna b’diżabbiltà li riedet tiltaqa’ miegħu l-Ministru kien proprju hu. Semma kif 36 sena ilu, għalliema talbet lill-istudenti jpoġġu idejhom fuq il-pitazz u jduru madwarha bil-lapes. “Minħabba d-diżabbiltà ma stajtx nagħmel dak li talbet l-għalliema u għalhekk kelli ndur fuq il-ħabiba tiegħi biex tgħini. Min kellu jgħidli li wara dan iz-żmien kollu din it-tifla kellha tkun il-Ministru għall-Inklużjoni,” qal Farrugia. Huwa temm jgħid kif baqgħet dejjem qrib tiegħu anke jekk il-ħajja ħadithom f’toroq differenti.

Ekonomija

Sport