Tuesday, May 14, 2024

Mil-lum tidħol fis-seħħ l-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb

Mira ambizzjuża li jiġu riċiklati kemm jista’ jkun kontenituri

Aqra wkoll

Mil-lum tidħol fis-seħħ l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb li se tkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ 320 magna apposta li twaħħlu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Il-kontenituri li jistgħu jiġu riċiklati huma fliexken u bottijiet vojta li jintużaw darba biss li huma magħmula minn plastik, metall u ħġieġ li kien fihom ilma, soft drinks, energy drinks, birra, ciders, bevandi li jitħalltu jew xorb bit-togħma, dawk magħrufa bħala l-flavoured drinks. Il-kontenituri tal-inbid, tal-ispirti, tal-ħalib u dawk tal-juices ma jiffurmawx parti minn din l-iskema.

Skont il-proċedura li tidħol fis-seħħ mil-lum, il-magni se jkunu qegħdin jagħtu lill-konsumatur €0.10 f’vawċer li jista’ jiġi msarraf fi ħwienet li jbigħu dawn ix-xarbiet. Fil-każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machine li qiegħda f’supermarket, dan il-vawċer ikun jista’ jissarraf biss kontra l-kont ta’ dak l-istess supermarket jew ħwienet oħra tal-istess supermarket. F’każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machines li jkunu f’Public Recycling Hubs fil-lokalitajiet, dan jista’ jissarraf għand kwalunkwe ħanut li jbigħ dawn ix-xarbiet madwar Malta jew Ghawdex.

Tajjeb li dak li jkun jiżgura li l-kontenituri li jiddepożita fil-magna jkunu fl-ambitu tal-iskema, mhux mgħaffġin u li l-barcode fuq it-tikketta jkun jidher ċar. Dan sabiex ikun jista’ jinħareġ il-vawċer abbinat mal-istess fliexken. Barra minnhekk, il-kontenitur għandu jkun vojt u fejn hu possibbli jkun bit-tapp ukoll bil-għan li jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ.

B’investiment privat ta’ kważi €18-il miljun il-kumpanija privata BCRS Malta Ltd se tkun qiegħda tiġġenera madwar 50 impjieg ġdid fl-hekk msejħa “green jobs”, kemm direttament ma’ BCRS, kif ukoll indirettamet fi tħaddim ta’ din l-iskema ambjentali ġdida.

F’kumment ma’ dan is-sit, Edward Chetcuti – il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li se tieħu ħsieb l-operat ta’ din l-iskema il-BCRS qalilna li din l-iskema hija soluzzjoni serja għall-problema tal-iskart. Chetcuti spjegalna li l-kumpanija qiegħda timmira li  sas-sena 2026 tiġbor u tirriċikla sa 90% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss f’Malta u Għawdex.

Sport