Monday, December 23, 2024

Milan u Inter jikkonfermaw id-disinji finali ta’ stadium ġdid

Aqra wkoll

Milan u Inter ikkonfermaw li għażlu l-proġett ta’ Populous – imlaqqam ‘Il-Katidral’ – bħala l-offerent preferut tagħhom biex jibnu stadium ġdid fuq il-post tad-dar attwali tagħhom f’San Siro.

Stadio Giuseppe Meazza ilu d-dar ta’ Inter sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, filwaqt li Milan ilhom jilagħbu hemmhekk mill-1926, u sar wieħed mill-iktar grounds emblematiċi fil-football dinji.

Iżda ż-żewġ clubs nhar it-Tlieta ħabbru li qed jiġu finalizzati pjani għal ground ġdid wara li għażlu l-proġett ta’ Populous fuq dak ta’ MANICA.

Populus għandhom esperjenza fit-tfassil u fil-bini ta’ stadia ta’ klassi dinjija, u huma notevolment l-imħuħ wara  dawk ta’ Tottenham Hotspur Stadium, l-Emirates Sta­dium ta’ Arsenal u Wembley Stadium.

Il-president tal-club ta’ Milan, Paolo Scaroni, fi stqarrija qal: “San Siro l-ġdid se jkun l-isbaħ ground fid-dinja għall-identità u r-rikonoxximenti b’saħħithom tiegħu. Arena attraenti, aċċessibbli u sostenibbli għall-belt ta’ Milan li se tiffaċilita t-tkabbir tal-clubs u l-kompetittività globali tagħ­hom.”

Il-kap eżekuttiv korporattiv ta’ Inter, Alessandro Antonello, żied jgħid: “L-istadium il-ġdid ta’ Milan se jkun f’żona ħadra extra-kontemporanja li jista’ jitgawda s-sena kollha. Id-distrett il-ġdid għall-isport u d-divertiment u l-park ta’ 50,000 metru kwad­ru tiegħu se jagħmel lil San Siro post ta’ sport u divertiment.”

F’din l-aktar stqarrija riċenti ma ssemmitx x’se tkun il-kapaċità tal-ground il-ġdid, iżda x’aktarx se tkun inqas mit-80,000 li jista’ jkollu San Siro tal-lum.

Madankollu, il-problema tal-istadia fis-Serie A dejjem kienet dwar is-sjieda, bil-biċċa l-kbira tal-grounds – inkluż San Siro – huma proprjetà tal-awtoritajiet tal-belt jew reġjonali, jiġifieri l-clubs ma jistgħux jimmassimizzaw id-dħul mill-biljetti.

L-Allianz Stadium ta’ Juventus, filwaqt li kapaċi jilqa’ biss madwar 40,000 spettatur, huwa proprjetà tal-club stess, u l-ispinta finanzjarja mid-dħul mill-biljetti u avvenimenti oħra fil-ground kienet fattur fid-do­minazzjoni tagħhom fl-Italja fit-tieni diċenju ta’ dan is-seklu.

Ekonomija

Sport