Monday, October 27, 2025

Milei b’rebħa kbira fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġiżlatura fl-Arġentina

Aqra wkoll

Il-President tal-Arġentina Javier Milei rnexxielu jikseb rebħa kbira fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġiżlatura li saru l-Ħadd li għadda. Dan wara li l-ewwel sentejn tal-Presidenza tiegħu kienu karatterizzati minn tnaqqis radikali fl-infiq u riformi fis-suq ħieles. 

Il-partit ta’ Milei, La Libertad Avanza, rebaħ kważi 41% tal-voti u kiseb 13 minn 24 siġġu fis-Senat u 64 minn 127 siġġu ieħor li kienu kkontestati. Dawn il-kisbiet se jagħmlu aktar faċli għall-President biex imexxi ’l quddiem il-programm tiegħu biex inaqqas l-infiq tal-Istat u jirilassa r-regolamenti tal-ekonomija. 

Qabel il-vot, l-alleat ta’ Milei, Donald Trump, għamilha ċara li l-għajnuna ta’ $40 biljun li l-Istati Uniti ħabbret riċentament għall-Arġentina kienet tiddependi fuq Milei jekk iżommx il-momentum politiku tiegħu. 

Il-partitarji ta’ Milei laqgħu dan b’entużjażmu, għalkemm il-kritiċi akkużaw lil Donald Trump b’interferenza barranija fl-elezzjonijiet tal-Arġentina.

Fl-indirizz tiegħu lill-partitarji, Milei qal: “Irridu nikkonsolidaw it-triq tar-riformi li bdejna biex inbiddlu l-istorja tal-Arġentina darba għal dejjem… biex nagħmlu l-Arġentina aħjar mill-ġdid.”

Qabel dawn l-elezzjonijiet, il-partit tiegħu kellu biss seba’ siġġijiet fis-Senat u 37 siġġu fil-Kamra tad-Deputati (lower house). 

Wara r-riżultat tal-Ħadd, mijiet ta’ partitarji tiegħu nġabru jifirħulu barra lukanda f’Buenos Aires fejn kien qed isegwi r-riżultati. “Milei lanqas biss kellu 15% tal-Kungress favur tiegħu. Issa, b’ħafna aktar deputati u senaturi, ikun jista’ jibdel lill-pajjiż fi sena,” qal votant żagħżugħ f’kummenti mal-midja internazzjonali.

L-ammont ta’ nies li ħarġu jivvutaw f’din l-elezzjoni kien ta’ 67.9%, l-aktar wieħed baxx f’elezzjoni nazzjonali f’għexieren ta’ snin. Dan il-mandat ġdid se jagħti lil Milei l-poter li jkun jista’ jimplimenta aktar bidliet radikali qabel l-elezzjoni presidenzjali li jmiss li mistennija ssir fl-2027.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport