Dr Lydia Abela għalqet uffiċjalment ir-raba’ edizzjoni tal-inizjattiva “Rigal bi Mħabba”. Fi Pjazza Kastilja, biswit is-siġra tal-Milied u ammont sabiħ ta’ rigali frott il-valuri tal-altruwiżmu u s-solidarjetà murija mill-poplu Malti u Għawdxi, Dr Abela u bintha Giorgia Mae rringrazzjaw lill-familji u lin-negozji tar-rigali li ngħataw.
Għall-ewwel darba, l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet mifruxa fuq jumejn permezz ta’ villaġġ tal-Milied bi spettaklu mill-isbaħ u bi ġranet ta’ attivitajiet fi Pjazza Kastilja. “Nistqarr li qatt ma bsart li inizjattiva bħal din, li nibtet minn sempliċiment idea lura fl-2020 kienet se tikber għall-avveniment li kellna llum hawnhekk ġewwa Pjazza Kastilja. Ta’ kull sena nkompli nammira l-valuri sbieħ li jrawwem fih il-poplu Malti u Għawdxi. Mis-snin preċedenti rrealizzajt li l-impatt tal-inizjattiva ħalla effett fuq Malta u Għawdex kollha u dan nikkonfermah bil-messaġġi li kont nirċievi meta jibdew jaslu r-rigali fid-djar tat-tfal,” qalet mart il-Prim Ministru.
Filwaqt li esprimiet is-sens ta’ apprezzament lejn kull min ta rigal f’dan l-isbaħ żmien tas-sena, l-iżjed ħaġa li tferraħ lis-Sinjura Abela hija dik it-telefonata jew dak il-messaġġ li tirċievi m’għand ġenitur biex jgħid grazzi talli ferraħ lil ibnu jew lil bintu. “Xejn ma jferraħni iżjed milli nara tifel jew tifla flimkien ma’ missierha u ommha ġiet tpoġġi rigal taħt is-siġra tal-Milied. Tfal, li bir-rigal tagħhom nisslu tbissima fuq tfal oħra li ma jafux. U lil hinn mir-rigal, inħoss li dik għalija hija ferħa ikbar, fejn naf li fit-tfal tagħna qed inkattru u nrawmu valuri sbieħ u soċjali bejn kulħadd. Hemmhekk nirrealizza x’responsabbiltà għandna aħna lkoll biex inħallu impatt pożittiv fuq dawk l-iżjed fil-bżonn fis-soċjetà tagħna,” sostniet Dr Abela.
Għall-ewwel darba wkoll, l-edizzjoni ta’ din is-sena saret b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Mill-mixtla ta’ Ambjent Malta, tqassmu 68 siġra taċ-ċipress lil kull Kunsill Lokali bħala simbolu ta’ din l-inizjattiva, bil-ħsieb li anke l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun suċċess. Dr Lydia Abela qalet li bil-għan li aktar nies ikunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-inizjattiva b’għan filantropiku, il-kollaborazzjoni saret bil-għan li r-residenti f’kull belt u raħal ikollhom l-opportunità li jpoġġu rigal taħt is-siġra fil-lokalità rispettiva tagħhom, jekk ma jkunux jistgħu jmorru bir-rigal fi Pjazza Kastilja.
Fl-għeluq ta’ din l-inizjattiva tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li rringrazzja lill-membri tal-Korpi Dixxiplinati li għal darb’oħra reġgħu kienu strumentali sabiex din l-inizjattivi sseħħ. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li bl-għoti ta’ siġar taċ-ċipress lill-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex, Ambjent Malta ħadmet mal-Kunsilli Lokali biex din l-inizjattiva tinfirex fil-komunitajiet kollha tagħna filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli rringrazzjat lill-Kunsilli Lokali kollha, li għat-tieni sena konsekuttiva taw l-kontribut tagħhom fil-ġbir tar-rigali mil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Intant hekk kif Dr Abela għalqet l-inizjattiva, bdiet il-ħidma fuq it-tqassim tar-rigali mogħtija b’imħabba mill-poplu Malti u Għawdxi.