Palazzo Francesco f’Ħal Lija, li sservi bħala l-binja tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, se jkun qed jospita wieħed mill-aktar avvenimenti festivi u uniċi ta’ dan l-istaġun, bejn id-19 u l-21 ta’ Diċembru 2025, hekk kif se jkun qed jittella’ suq tal-Milied bit-tema ta’ Milied Mal-Għaqdiet, b’kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet volontarji.
Dan l-avveniment ta’ tlett ijiem se jsir fl-ambjent storiku tal-Palazz Francesco, li għall-ewwel darba se jinfetaħ għall-pubbliku, u b’hekk jagħti dimensjoni ferm aktar speċjali lil din iċ-ċelebrazzjoni.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu minn għadd ta’ stands tematiċi tal-Milied, immexxija minn diversi għaqdiet volontarji. Il-qligħ kollu mis-suq se jmur direttament għall-kawżi soċjali tagħhom, b’mod li dan l-avveniment ma jkunx biss okkażjoni ta’ festi, iżda wkoll ġest ta’ solidarjetà u ġenerożità.
L-atmosfera festiva se tkun imsaħħa b’mużika live minn 13-il għaqda tal-banda minn diversi lokalitajiet madwar Malta, li se jdoqqu matul it-tlett ijiem. It-tfal se jsibu wkoll divertiment kontinwu permezz ta’ animazzjonijiet, logħob u mascots tal-Milied li se jduru mas-suq.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif, “Il-Milied huwa żmien ta’ tama, ta’ mħabba u ta’ għaqda, u f’dan l-istaġun inħarsu b’mod partikolari u b’ammirazzjoni lejn il-ħidma bla waqfien tal-għaqdiet volontarji li jaħdmu b’tant imħabba, dedikazzjoni u impenn f’pajjiżna. Dawn l-għaqdiet jagħtu l-ħajja vera lill-valuri tal-Milied, billi joffru l-ħin, ir-riżorsi u l-enerġija tagħhom biex jgħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn. Ix-xogħol prezzjuż li jwettqu fil-komunitajiet tagħna jsaħħaħ is-sens ta’ solidarjetà u joħloq spazji ta’ tama u ferħ, fejn ħadd ma jitħalla waħdu. Huwa permezz ta’ dawn l-inizjattivi li l-ispirtu tal-Milied jitqiegħed fil-prattika, u flimkien inkomplu nibnu soċjetà aktar ġusta, inklussiva u mimlija ġenerożità.”
It-tradizzjoni Maltija se tingħata prominenza speċjali permezz ta’ wirja ta’ madwar 20 presepju, esebiti b’mod artistiku u aċċessibbli għall-pubbliku.
Sabiex l-avveniment ikun wieħed organizzat u aċċessibbli għal kulħadd, se jiġi offrut servizz ta’ park-and-ride bejn il-parkeġġ tal-Giovanni Curmi Higher Secondary u Palazz Francesco. Is-suq se jkun ukoll kompletament aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Milied mal-Għaqdiet se jkun miftuħ ukoll is-Sibt 20 u l-Ħadd 21 ta’ Diċembru bejn l-10am u l-11pm.

