Tuesday, November 25, 2025

Milied Speċjali fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Jinxtegħel id-Dawl tal-Milied fil-Belt Valletta u s-Siġra tal-MiliedIl-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien maċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, l-artist Henry Galea u t-tim tiegħu, u l-preżentaturi ta’ Bay Radio Jamie u Taryn, nedew uffiċjalment il-programm tal-Milied ta’ din is-sena fil-Belt Kapitali waqt ċerimonja li matulha inxtegħelu d-dwal fit-toroq ewlenin tal-Belt u s-siġra ikonika tal-Milied.

L-attività speċjali tat-Tlieta filgħaxija fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, immarkat il-bidu tal-programm ta’ avvenimenti matul xahar sħiħ Christmas in the Capital.

Is-siġra tal-Milied ta’ din is-sena hija xhieda tal-kreattività, x-xogħol tas-sengħa u xhur ta’ xogħol b’dedikazzjoni kbira. Hija għolja 15.6 metri, b’dijametru ta’ 6.5 metri, u b’ċirkonferenza impressjonanti ta’ 20 metru, li tagħmilha waħda mill-aktar dekorazzjonijiet festivi fil-Belt Valletta.Hija mżejna b’2,000 metru ta’ dwal li jleqq.

Aktar minn 1,500 fergħa individwali ġew imżejna bl-idejn waħda waħda b’total ta’ 7,000 ornament u aktar minn 200 metru ta’ drapp li jżejnu l-friegħi tagħha.

Is-siġra tinkludi total ta’ 63 ornament miżbugħ bl-idejn, kull wieħed magħmul mill-artiġjani Maltin għall-installazzjoni ta’ din is-sena.Bħalha simbolu tat-tradizzjoni lokali, 60 salib oriġinali Malti jinsabu fost id-dekorazzjonijiet.

Din is-sena wkoll it-toroq u l-pjazez ewlenin tal-Kapitali żżejnu b’installazzjonijiet artistiċi tal-Milied interattivi li se jkomplu mal-atmosfera maġika fil-Kapitali. Wara din is-Siġra tal-Milied ikonika hemm xogħol ta’ mħabba: sitt xhur ta’ ppjanar kostanti, disinn, u xogħol bla heda minn timijiet dedikati.Il-programm Christmas in the Capital jinkludi l-purċissjoni tradizzjonali tant maħbuba bil-Bambin Ġesù madwar it-toroq tal-Belt Valletta akkumpanjata minn kor live, kunċerti live mill-kantanti lokali Klinsmann, Kevin Paul, The New Victorians u Riona, briju madwar it-toroq tal-Belt minn Tikka Banda, attivitajiet interattivi għat-tfal, kunċert korali mill-Kor prestiġjuż Cappella Musicale Caeciliana fl-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti, u ċ-ċelebrazzjonijiet massivi annwali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, li jagħmlu l-Belt Valletta l-qalba taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’ Malta.

Żur is-sit tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook biex tara l-programm sħiħ ta’ attivitajiet u timmarka l-kalendarju tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport