Tuesday, December 9, 2025

Milied ta’ Mħabba…

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Anke jekk Ġesù mhux Alla u li ma qamx wara tlett ijiem u ma teżistix ebda ġenna u li mal-mewt jispiċċa kollox, dak li pprietka jibqa’ validu u jekk aħna bħala bnedmin nimxu fuqu, id-dinja tkun ħafna post aħjar. L-ikbar kmandament huwa li nħobbu lil xulxin kif irridu li jħobbu lilna.

Nagħmlu u nistmaw lil ħaddieħor kif irridu li jimxu magħna u jistmaw lilna. Il-bniedem huwa bħall-annimali l-oħra fid-dinja u għandu l-istess bżonnijiet tagħhom, bid-differenza li l-bniedem suppost huwa annimal li jirraġuna. Ħlejjaq oħra jħallu l-istint imexxihom; il-bniedem suppost iħalli r-raġuni tiggwidah. Għalhekk aħna, bħala bnedmin, insejħu lilna nfusna l-annimal li jirraġuna.

Għalhekk wieħed jinnota li minkejja r-razez differenti tal-bnedmin, kollha għandna affarijiet komuni bejnietna. Irridu li jkollna l-imħabba mingħand numru ta’ nies; irridu li nkunu qed ngħixu f’post sigur; ikollna l-ikel u dar fejn ngħixu; ma rridux min jidħak bina imma min jgħidilna l-verità. Nagħmlu ħilitna biex nimxu ’l quddiem u nistudjaw u nistinkaw biex navvanzaw aktar. 

Ħafna jħobbu l-familja u jridu li jkollhom familja, bil-forom kollha tagħha, biex jgħixu u jibnu ħajjithom. Hemm ħafna u ħafna similitajiet bejn ir-razzez kollha tal-umanità. Minkejja li l-wiċċ jista’ jkollu forom differenti, lingwi differenti, kuluri tal-ġilda differenti, hemm ħafna mġibiet, xewqat u bżonnijiet li huma l-istess.

Ir-raġuni, il-valuri 

u l-prinċipji tagħna

Kienet ir-raġuni li ġagħlitna noħorġu mill-għerien, nieklu differenti u noħolqu l-invenzjonijiet kollha li ħloqna, li permezz tagħhom imxejna ’l quddiem u komplejna niżviluppaw. Imma aktar minn hekk għandna l-valuri u l-prinċipji tagħna li jkomplu jagħmluna differenti mill-ispeċi kollha li jdawwruhna. Bħal speċi oħra, irridu nieklu, nixorbu, norqdu u nikkattru. Iżda l-mod kif nagħmluhom, għax għandna r-raġuni u l-intellett tagħna li huma ħafna aktar żviluppati minn diversi speċi oħra, jagħmilhom differenti.

Minkejja dan kollu, l-ispeċi l-oħrajn kollha jweġġgħu lil xulxin biex jieklu u biex ikunu jistgħu jibqgħu jeżistu. Qatt ma rajt speċi tagħmel gwerra fuq speċi oħra biex tirbaħ territorju jew issir aktar sinjura. Jikkaċċjaw biex jieklu, jieklu u jkomplu mexjin. Ħadd bħall-bniedem ma jippjana kif għandu jweġġa’ lil ħaddieħor billi jibgħatlu xi ittra anonima biex jagħmillu ħsara fil-familja jew isem ħażin fuq il-post tax-xogħol. Id-dinja tal-ispeċi l-oħra hija ħafna iktar sempliċi: jiġġieldu meta jiġi l-istaġun tat-tgħammir biex l-irġiel ikollhom il-partners tagħhom u joqtlu biex jieklu jekk ikun hemm bżonn, għax mhux l-ispeċi kollha jieklu laħam biex jgħixu. Hemm ħafna oħrajn li jieklu ħaxix u dawn jgħixu ma’ xulxin faċilment mingħajr problemi.

Il-bniedem huwa differenti għax ir-raġuni li għandna nistgħu norganizzawha u naħsbu b’mod sistematiku. Ħafna drabi dak li naħsbu jkun ibbażat fuq il-prinċipji u l-valuri tagħna. U hawn jidħol it-tagħlim ta’ Kristu. Kemm il-Bibbja tagħna l-Kattoliċi kif ukoll dak kollu li nitgħallmu li qal Kristu fil-ħajja tiegħu huwa kollu bbażat fuq kif nistgħu nħaddnu l-valuri u l-prinċipji tagħna, biex aħna bħala bnedmin inkunu nistgħu ngħixu b’dinjità. Hemm diversi stejjer li jien ukoll, bħala persuna li ddedikajt ħajti għall-politika, nara komuni mal-ħajja ta’ Ġesù. Imma l-Bibbja tagħna, u iktar ir-reliġjon li nemmnu fiha, għandha eżempji kbar li minnhom nieħdu tagħlimiet kbar.

Uliedna
Wieħed mill-akbar eżempji huwa l-fatt li għal uliedu kulħadd jagħmel kollox. Ejja ngħiduha kif inhi: hemm xi ħadd minna li jaf li t-tifel jew it-tifla tiegħu se tgħaddi minn tbatija kbira, tinqabad u tmut u jħalliha tgħaddi minn dan kollu? Naħseb li ħadd ma jħalli lil uliedu jgħaddu minn dan kollu. 

Imma, il-Mulej, biex jurina kemm verament iħobb lill-bniedem, ħalla lill-uniku Iben li kellu jgħaddi minn dan kollu, u mhux biss ħallieh ibati iżda ħadu għall-mewt fuq is-salib. Iktar minn hekk, jiena ġieli nċempel lil xi ħadd biex nawguralu f’għeluq sninu u meta nibda nirrifletti, Ġesù miet ta’ 33 sena. Jiġifieri Alla l-Imbierek lill-Iben tiegħu tah 33 sena biss, meta llum il-medja tal-għomor hija ta’ 83 għall-irġiel u 85 għan-nisa. Huwa fatt magħruf li huaw mbassar li t-tfal li qed jitwieldu llum se jkunu qed jgħixu sa 100 sena. 

Allura meta l-Mulej lill-uniku u l-iktar ħaġa li jħobb tah 33 sena biss, turi kemm hemm messaġġi kbar ta’ mħabba fit-twemmin tagħna. Kristu mhux biss pprietka l-imħabba imma bagħtu huwa stess biex inkunu nistgħu nsalvaw aħna. Il-prinċipju tal-imħabba lejn xulxin huwa enfasizzat sewwa fir-reliġjon tagħna u huwa minn dan li għandna nibnu ħajjitna.

Kristu nnifsu kien jaf għaliex ġie u kellu ħafna toroq x’jieħu. Seta’ rikeb xini u ħarab lejn l-Ingilterra jew ir-Russja, jagħmel isem ieħor u minflok jipprietka u jagħmel il-mirakli seta’ jgħix ħajja normali bħal kull persuna oħra. Żgur li kieku mar f’xi pajjiż ieħor u ħarab mil-Lhudija ħadd ma kien ikun jaf li kien it-tifel ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa. 

Seta’ jagħmel li ried bħall-kull persuna oħra fid-dinja ta’ żmienu. Seta’ qabad xini u mar Ruma u ħadem biex ikun parti mill-armata Rumana. Seta’ għamel li ried, imma minflok iddestina ruħu biex jaqdi l-missjoni li għallijha bagħtu Missieru fid-dinja: li jxandar is-Saltna ta’ Alla mhux ibbażata fuq suldati, armi, deheb u poter tad-dinja, imma fuq l-imħabba lejn xulxin.

Twelid simboliku…

Ġie biex jagħti messaġġ

It-twelid ukoll kien simboliku. Ġesù ġie fid-dinja biex jagħti messaġġ. Bin Alla jitwieled f’maxtura – lanqas tgħidha lil ħadd illum. Biex jisħnu kellu ħmar, li anke ismu huwa dispregattiv f’ħafna kulturi. Jekk jgħidu “dak kemm huwa ħmar”, kulħadd jaf x’qed ifissru. Imma, mela Ġesù għażel ħmar u baqra biex bin-nifs tagħhom iżommuh sħun. Twieled fi grotta mwarrba u abbandunata, għax dak kollu li kien daqsxejn ta’ kumdità kien meħud mis-soċjetà ta’ żmienu u allura dan huwa messaġġ ieħor li qisu s-soċjetà ma kellhiex spazju għalih. 

Fuq kull faċċata fil-Bibbja tista’ tagħmel diskussjoni sħiħa. Dan kollu jimmaterjalizza ruħu fl-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena biex fil-kalendarju tagħna nibqgħu nfakkru kemm din il-Persuna li twieldet minn tfajla żagħżugħa fil-fjur tagħha tħobbna u x’messaġġ b’saħħtu riedet tagħtina.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport