Wednesday, December 25, 2024

MILIED TA’ PRESEPJI

Tradizzjoni li mhux biss baqgħet magħna iżda żiedet fil-popolarità

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Madwar Malta u Għawdex għaddejjin diversi wirjiet ta’ presepji ta’ kull għamla u daqs. Din it-tradizzjoni li tmur lura s-snin bl-eqdem presepju jingħad li sar fl-1617 maħdum fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat, illum il-ġurnata hija arti mfittxija ħafna. Dan ix-xogħol magħmul bl-inqas dettalji u dedikazzjoni kbira, huwa l-passjoni ta’ ħafna dilettanti lokali li b’materjali differenti fosthom ġablo, sufra, ġibs, weraq u qxur tas-siġar, joħlqu l-lejla tan-natività, il-lejl li fih twieled Sidna Ġesù Kristu. Il-Jum tal-Milied.

L-Istorja tal-presepju f’Malta kif għidna jingħad li bdiet lura fl-1617 mentri fil-monasteru tas-sorijiet Benedittini fl-Imdina għad hemm presepju li wkoll imur lura għal ħafna snin. Eżattament fl-1826. F’dan l-istess żmien kien inħadem l-ewwel presepju mekkanizzat f’Malta li sar minn Antonio Muscat Fenech f’Ħal Qormi.

Barra dawn il-presepji jissemmew oħrajn iżda m’hemmx informazzjoni fir-rigward. X’aktarx dawn kienu jinsabu f’xi kunvent jew fi djar ta’ nies sinjuri. F’Malta, bħalma ġara f’pajjizi oħra, il-presepju żied fil-popolarità tiegħu fil-bidu tas-seklu 19.  Dan aktarx minħabba li l-pasturi bdew jinħadmu bil-forom u l-prezz taghhom kien hafna irħas minn dawk maħduma bl-idejn. Kien ukoll matul dan iż-żmien li dehru f’Malta l-ewwel pasturi tat-tafal bil-kostum Malti, magħrufa wkoll bħala l-pasturi tas-sold għax daqshekk kienu jinbiegħu. Kienu huma li taw l-imbottatura li kellu bżonn il-presepju Malti biex jidħol fid-djar tagħna.

L-istil tal-presepju Malti oriġina minn dak Sqalli iżda matul is-snin inbidel u ħa karatteristiċi differenti. Fil-bidu l-pasturi kienu jsiru mit-tafal u mlibbsin bid-drapp mentri l-istruttura tal-presepju kienet tal-gagazza jew tal-ġebel. Illum il-ġurnata jintużaw ukoll pasturi artistiċi ħafna magħmula mill-plastik. Il-presepji magħmula bil-karta pesta kienu u għadhom realistiċi ħafna u apprezzati.

Barra l-pasturi ewlenin li huma l-Bambin, il-Madonna u San Ġużepp, tul is-snin f’Malta bdejna ndaħħlu karattri ta’ pasturi li jirrapreżentawna bħala poplu f’xeni ta’ kif konna ngħixu fl-imgħoddi. Dawn jinkludu l-għannej, in-nissieġ, il-bidwi, taż-żaqq, tat-tanbur, taż-żavżava, is-sajjied, l-imgħaġġeb, tal-forn u r-rieqed.

Meta nitkellmu dwar it-tradizzjoni tal-presepju f’Malta ma nistgħux ma nsemmux lil Dun Ġorġ Preca li kien il-persuna li ta spinta kbira lill-popolarità u l-imħabba lejn il-presepju. Dan għamlu billi daħħal id-drawwa li jingħata presepju lit-tfal li jattendu l-MUSEUM.

L-organizzazzjoni volontarja mwaqqfa fl-1986, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, tara li din id-drawwa lokalment tkompli tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra. Illum il-ġurnata l-presepju tant sar popolari li barra l-wirijiet, isiru kompetizzjonijiet għall-aħjar presepji.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport