Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbar li mill-1 ta’ Lulju se tkun qed tidħol fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-tfal. Din il-liġi se tkun qed tagħti aktar drittijiet minn qatt qabel lil dawk it-tfal li jeħtiġilhom għajnuna jew ikunu qed jesperjenzaw kwalunkwe tip ta’ vjolenza. Din il-liġi ilha diversi xhur tinħema wara konsultazzjoni wiesa’ mal-istakeholders kollha involuti.
Il-Ministru semma ħames prinċipji innovattivi. Wieħed mill-iktar prinċipji li huwa verament msammar f’din il-liġi huwa li kull deċiżjoni li tittieħed sew jekk din tkunx amministrattiva jew legali, trid dejjem tittieħed fl-aħjar interess tal-minuri.
Il-Ministru qal li l-politiku se jkun qiegħed fil-ġenb biex ċertu deċiżjonijiet jittieħdu mill-qrati u l-persuna se jibda jkollha d-dritt li tappella minn deċiżjoni amministrattiva.
Se jkun hemm tliet affarijiet li mhux se jidħlu mill-ewwel fosthom l-aspett ta’ ‘mandatory reporting’ fejn jidħol l-aspett li l-professjonisti issa se jkollhom obbligu li jirrapportaw fejn jaraw li hemm każ ta’ abbuż fuq it-tfal. “Jekk int qed teżerċita l-professjoni tiegħek u għandek suspett raġjonevoli ta’ xi ħaġa ħażina għandek tirrapporta. Hawnhekk rajna li noħolqu bilanċ fejn il-liġi tagħmilha ċara wkoll li jekk wieħed jirrapporta in bona fide imma jkun hemm ċirkostanzi li forsi ma setax jarahom dakinhar, allura dak il-professjonist li se jkun qed jagħmel mandatory reporting ma jkunx jista’ jittieħduh passi kontrih,” qal il-Ministru.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-adozzjonijiet lokali fejn semma li bħalissa f’Malta hawn mal-450 tifel u tifla li ma jgħixux mal-familja naturali tagħhom, b’nofshom jinsabu fil-foster care.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar ir-rikonoxximent iktar tal-foster carers. Sal-lum il-ġurnata biex foster care imur il-qorti biex jadotta, it-tifel jew tifla jridu jkunu għaxar snin fil-foster care. Il-Ministru qal li dak il-perjodu issa niżel għal ħames snin u f’każijiet eċċezzjonali foster carer jista’ japplika għall-adozzjoni anke wara tliet snin.