L-industrija tal-immudellar hija settur kreattiv u dinamiku li jinkludi mudelli li jaħdmu f’diversi oqsma bħal moda, reklamar, televiżjoni, u anke teknoloġija diġitali. Mudelli jagħtu s-sehem tagħhom biex jippromwovu ħwejjeġ, prodotti, jew stil ta’ ħajja, iżda jista’ jkun ukoll li permezz tal-immudellar joħroġ ħafna ġid għall-komunità jew anke għal nies fil-bżonn, u dan f’dinja fejn illum il-midja soċjali għandha impatt qawwi, hekk kif ħafna mudelli huma wkoll influwenzaturi u jistgħu jsibu opportunitajiet barra minn aġenziji tradizzjonali biex joħolqu kuxjenza u jinfluwenzaw dwar xi ħaġa partikolari.
Staqsejna lil Hannelie Van Wijk u wkoll lil Ekaterina Camilleri dwar din l-esperjenza tagħhom fl-immuddellar u kif ġiet din l-imħabba tagħhom lejn l-immuddellar li nistgħu ngħidu wkoll li kibru fiha sa minn tfulithom, u Hannelie spjegat li “minħabba l-kriminalità li hemm fl-Afrika ta’ Isfel u għax irrid nagħti futur aħjar lit-tifel tiegħi, jiena ddeċidejt li niġi hawn Malta, u xi ħadd li jiena naf li jgħix hawnhekk, u li kienu jgħixu fl-Awstrija u li issa ġew ukoll joqogħdu hawn, u applikajt biex nibda naħdem hawnhekk u issa ninsab hawnhekk.” Hannelie saħansitra ġiet f’Malta biex tkompli din il-karriera u dan kollu wara li telqet mill-Afrika ta’ Isfel fejn hi kienet qed tgħix.
Hija iżda għamlet xi żmien tgħix ukoll fl-Awstrija tant li hija wkoll l-ambaxxatriċi ta’ Awstrija bħala Mrs Austria, wara li rat li “f’Awstrija ma kienx hemm direttur, iżda xtaqt li jkolli din il-liċenzja, għall-ewwel ma ħadthiex mill-ambaxxatriċi minħabba li ma kinitx tafni, imma mbagħad f’Diċembru li għadda qablu li jiena għandi nieħu din il-liċenzja bħala ambaxxatriċi f’Malta.”
Tkellimna wkoll dwar il-wasla ta’ Ekaterina f’Malta, li oriġinarjament hi mir-Russja iżda ġiet Malta madwar 20 sena ilu biex tkun tista’ tistudja l-Ingliż, tirrakkonta hekk: “ġejt bħala studenta hawnhekk, imma mbagħad iltqajt ma’ ċerti persuni u għamilt ħbieb, li permezz tagħhom, aktar tard f’ħajti ltqajt ukoll mar-raġel tiegħi li hu Malti, ilna flimkien issa sbatax-il sena, allura jiena wkoll Maltija, u l-ħajja tiegħi fl-immuddellar bdiet minħabba ommi għax hija l-president ta’ Mrs Russia Pageant fir-Russja, u dan għadha tagħmlu sal-lum, ilha issa għaddejja għal 27 sena, u jiena dejjem kont inkun magħha u l-immudellar sar parti integrali minn ħajti.”
Hannelie kisbet żewġ unuri kbar u internazzjonali f’dan il-qasam u qasmet magħna din l-esperjenza “meta l-ewwel kont ħadt sehem f’Ms Malta madwar tliet snin ilu u ġejt 2nd Runner Up, u fil-folla mill-udjenza kien hemm xi ħadd li rani, u wkoll xi ħabib ieħor li qaluli li għandi nidħol f’Mrs Globe u ltqajt ukoll ma’ Ekaterina li hija d-direttriċi ta’ Mrs Globe Malta, u kont irbaħt it-titlu ta’ Mrs Globe Malta u wkoll dħalt Mrs European Nations fejn irrappreżentajt lil Malta u rbaħt, u mort ukoll fl-Amerka għal Mrs Globe Classic nirrappreżenta lil Malta.”
Tkellimna wkoll dwar din l-industrija f’Malta u Hannelie qalet li ilha “f’din l-industrija għal ħafna snin imma f’Malta innutajt li għalkemm hija gżira verament ċkejkna isiru ħafna kompetizzjonijiet tal-immuddelar, li għalija naraha xi ħaġa tajba u pożittiva, li ma nara xejn ħażin fiha, sakemm wieħed ma jaqbiżx il-linja u eżempju naraw tfal li jimmudellaw iżda jibdew jagħmlu affarijiet li huma tal-adulti, li dik ma togħġobniex lili personali.” Għalhekk, għal Hannelie din hija xi ħaġa tajba għax fl-Ewropa ma tarax daqshekk kompetizzjonijiet f’din l-industrija u l-fatt li Malta hija tant żgħira imma hemm tant interess.
Ekaterina kienet ilha tirrappreżenta lir-Russja għal 26 sena, u kienu jistaqsuha jekk tridx tiddelega lil Malta iżda “ma kontx ħassejt li għandi d-dritt nagħmel kompetizzjoni oħra meta hawnhekk diġà kien hawn il-kuntest tas-sbuħija ta’ Ms Malta, u għal 15-il sena kont qed nistenna u nosserva, u kont qed nistenna li nkun ambaxxatriċi imma qatt ma sar xejn u minħabba l-emerġija sabiħa ta’ Hannelie li tatni l-ħeġġa hi biex nirrappreżenta lil Malta bħala d-direttriċi, allura jiena nista’ ngħid li ma bdejtx waħdi, imma bis-saħħa ta’ Hannelie.”
Naturalment jaf ma jkunx faċli dejjem li trid tkun kemm amministatriċi u tmexxi l-immuddellar filwaqt li trid ukoll tikkompeti, li hija sfida tant li Ekaterina tispjega li “l-ewwel tara x-xogħol bħala direttriċi, imma dan anke Hannelie l-ewwel kisbet it-titlu mnagħad tibda tmexxi, fis-sitwazzjoni tiegħi bil-kontra, għax kont ilni direttriċi u wara kont ksibt it-titlu ta’ Mrs Curvie”, u kif tkompli tgħid Hannelie “dak li hu sabiħ minn Mrs Globe platform, li tista’ tibni xi ħaġa minnu, mhux li tieħu t-titlu u l-kuruna u mbagħad daqshekk, le, imma tista tibda wkoll saħansitra n-negozju tiegħek, u tgħin ukoll nisa oħra Maltin, li jien flimkien ma’ Ekaterina ngħinuhom jikbru f’din l-industrija u wkoll indaħħal lill-Awstrija f’Malta u viċi versa. Aħna rridu li jkun hemm dan il-pont bejn Malta u l-Awstrija.”
Din l-industrija, kif jispjegaw ukoll Hannelie u Ekaterina kibret ħafna matul dawn l-aħħar snin, u dan mhux biss f’Malta imma nistgħu ngħidu madwar id-dinja kollha. Dan anke għall-fatt li ħafna mid-drabi dawn il-kuntesti tas-sbuħija jkunu magħquda ma’ xi għan partikolari li minnu joħroġ il-ġid, eżempju meta jkun hemm ġbir għall-karità, jew li tgħin lill-mara tikseb xi poter, u minn dawn “jista’ jkun hemm ħafna opportunitajiet għax in-network huwa kbir, immaġina għal 29 sena kellna madwar 70,000 mara minn madwar 80 nazzjon u l-ġid li qiegħed isir.”
Hannelie tgħid li Malta għandna s-sistema tagħna u taħdem sew ħafna, eżempju f’Malta għandna Mrs Malta mmexxi mis-Sur Ivan Gaffiero, u huwa għandu l-udjenza tiegħu li verament jieħdu gost u fiha jkollu ħafna titli differenti, li hija kompletament lokali u Maltija, in-nies jattendu, u wkoll hemm id-direttur Alan Darmanin li qed jikber ħafna f’dan il-qasam għandu sapport kbir u qed itella’ xows mill-isbaħ. Dan kulħadd għandu l-istil tiegħu, aħna aktar qisna bħala komunità, meta tikkonsidra li din hija gżira żgħira b’tant kompetizzjonijiet aktar tagħmel sens għalina li nagħżlu delegat li jirrappreżenta lil Malta.”
Dawn iż-żewġ mudelli tkellmu wkoll fuq ir-rivista Women Star Wars li bdiet snin ilu u Hannelie spjegat li Ekaterina bdiet din ir-rivista “ġewwa r-Russja ħdax-il sena ilu, u jsiru 2000 kopja, fejn fiha niċċelebraw il-kultura tas-sbuħija, is-suċċess li jiksbu ċertu nisa, u kull mara tista’ tiġi inkluża f’din ir-rivista. F’Malta wkoll ser inniedu dan fl-24 ta’ Lulju f’Mamaci f’Portomaso li huma sponsor tagħna, u ġejjin nies internazzjonali għal dan l-avveniment, u għalhekk ser inġibu aktar nies hawn Malta u ġejjin ukoll diversi mudelli li huma delegati li kienu diġà pparteċipaw u wħud minnhom li kisbu u rebħu xi titlu u rebħu xi kuntest tas-sbuħija.”
Li tispikka minn din il-komunità li tkellmu dwarha Hannelie u u Ekaterina hi l-fatt li minn dawn l-avvenimenti jkunu qed jibbenefikaw nies oħra bħalma huma “familji, tfal orfni jew dawk li jinsabu f’xi istitut, u dan issa ilna nagħmluh għal ħafna snin, apparti l-lussu u s-sbuħija, imma huwa essenzjali li tinkludi wkoll il-karità u tara x’tista’ tagħmel b’mod kollettiv għal min hu fil-bżonn, u Malta naf li l-Maltin iħobbu ħafna jagħmlu karità.”
Staqsejna wkoll x’jagħmel mudella li tikseb suċċess, u qalulna li trid ikollok żgur il-kunfidenza, iżda “wkoll l-enerġija li tara li tqajjem l-enerġija li għandu ħaddieħor fih u dan tagħmlu jekk tkun direttriċi tajba, li tifhem in-natura ta’ din l-industrija, li tibqa’ inti nnifsek.” U huma tant huma kuntenti li anke jimmaġinaw lilhom infushom jibqgħu jagħmlu dan anke għal għaxar snin oħra “għax l-għan tagħna hu li nibqgħu naraw nisa oħrajn u mmexxuhom għas-suċċess tagħhom.”
Il-parir tagħhom qabel għalaqna din l-intervista kien li “wieħed m’għandux jibqa’ lura jew jibqa’ jgħid li qed jistħi, iżda għandu jidħol għal din l-esperjenza anke jekk tkun diffiċli kif fil-każ tiegħi kienet għax ġejja minn post differenti u kelli nissetilja hawn u ħadt ħafna snin sakemm illum inħossni Maltija.”
Għalhekk kull min jixtieq jidħol f’din l-industrija għandu jkollu portafoll professjonali, ħiliet ta’ komunikazzjoni tajba, u lesti li jaħdmu f’ambjenti ta’ pressjoni għax kif spjegaw Hannelie u Ekaterina mhux dejjem tkun faċli, iżda li l-industrija tal-immudellar taf tkun ukoll affaxxinanti, u għalkemm jista’ jkun teħtieġ dedikazzjoni, reżiljenza u kapaċità li tadatta għat-tibdil kostanti tas-soċjetà, iżda żżomm f’moħħok ukoll li tista’ toħloq ħafna ġid għax kif spjegaw Hannelie u Ekaterina permezz tal-komunità tagħhom qed jaraw ukoll il-bżonn li jista’ jkollu ħaddieħor, u hekk ħafna nies qed jibbenenefikaw. Għalhekk inħeġġu lil kull min hu interessat jibda karriera f’dan il-qasam li filwaqt li jaqsam is-sbuħija tiegħu, iżda wkoll iżomm f’moħħu nies oħra fil-bżonn, u hekk verament ikollok sbuħija b’għan nobbli.