Illum ftit huma dawk li jinteressaw ruħhom fil-mużika sagra fil-knejjes. Fl-imgħoddi s-sitwazzjoni kienet ferm u ferm differenti. Il-mużika sagra fil-knejjes kienet ukoll suġġett ta’ kontroverserja. Waħda minn dawk il-mużika sagra li ħolqot rewwixta u kontroversji sħaħ kienet l-Antifona Sancte Paole ta’ Paolo Nani. Mużika li sa llum għadek issib min imur apposta biex jisma’ din l-antifona. Kienet qajmet kontroversja għax kienet drfmmatika u operistika. Kien hemm min qiesha bħala li mhix adattata għall-knisja. Hi x’inhi l-opinjoni tiegħek, is-Sancte Paole tqajjimlek ġismek xewk xewk.

Għax ejjew ngħiduha kif inhi, fiż-żmien li fih inkitbet jiġifieri fis-sena 1840, il-festi ta’ ġol-knejjes kienu jsiru b’pompa kbira b’orkestri armati sa snienhom. Proprju dwar dan tkellimna ma’ George Rodgers. Mużiċist li għamel għomru idoqq…l-ewwel ma’ bands fosthom ta’ Oscar Lucas, il-knejjes u aktar tard mal-baned tradizzjonali. George Rodgers jibqa’ jiftakar kif f’San Pawl tal-Belt kien ikun hemm orkestra armata tajjeb ħafna.
Il-festi kif inibdlu?… ’ma ngħidlekxbgħax jien intfajt fil-knejjes”
Lil George ma’ stajtx ma nistaqsihx fuq kif jara l-bidliet li għaddew minnhom il-festi – id-differenza bejn qabel u llum. George jgħidili bla tlaqlieq, “ma ngħidlekx. Illum il-ġurnata ma’ nagħtix kas. Inqtajt. Kont intfajt fil-knejjes. U fil-knejjes kont ma’ Dun Gwann u dan kellu kważi l-knejjes kollha. Dan Dun Gwann ma kellux min idoqq il-kontrabaxx b’mod kontinwu, jiġifieri meta jkollu bżonn isibu. Kien hemm ħafna knejjes u festi li kont ndoqq fihom. Issa id-differenza mil-lum hi li llum m’għadhomx kollha bl-orkesta fejn tidħol il-mużika sagra fil-knisja. Illum qabdu l-orgni u l-kor u jużaw lilhom.

Qabel le. Kellek iż-Żejtun kienu jarmaw orkestra tajba ħafna, iż-Żurrieq għal Santa Katerina, kellek il-festa ta’ San Pawl iI-Belt u il-Mosta għall-festa ta’ Santa Marija fost oħrajn. Illum ngħid li sirt naf kemm hi sabiħa l-mużika tal-knisja. Vera sabiħa. Illum napprezzaha iżjed. Rajt id-differenza”.
Kien irikkibni s-surmast fuq il-mutur…
George jitkellem dwar il-bidu tiegħu bil-kuntrabaxx, li bih kien idoqq fil-knejjes. “Biex xtrajt l-kuntrabaxx kien mar is-surmast Twanny Chircop. Lili hu kien għallimni u tani is-sodizza fih. Kien jiġi għalija u jeħodni bil-mutur għal-lezzjonijiet meta kien idoqq l-opri ir-Radio City. Il-kuntrabaxx li kelli kien mar hu stess biex jixtrieh u kien nefaq Lm12. Hu kien irranġahuli. Żebgħu u ġabu bi tlett kordi mhux b’erbgħa. Dak l-istrument kont ħallejtu id-dar ta’ ommi meta iżżewwiġt. Għal xi żmien ma kontx naf x’sar minnu. Ma ridtx nemmen dak li sirt naf xi żmien wara. Ommi kienet tatu lil tal-forn biex jaħarqu”.
Meta seħħ it-terremot tas-sena 1972 kont indoqq il- lukanda Verdala….kien waqa’ xi ġebel
George jirrakkonta kif kien idoqq f’għadd ta’ postijiet fosthom il-lukanda Verdala u f’Għajn Tuffieħa. “Niftakar meta seħħ it-terremot tas-sena 1972. Inqala’ pandemonju u ħafna nies marru Ta’ Qali. Jien niftakar kont qiegħed indoqq il-lukanda Verdala ir-Rabat. Kienu xi l-11 ta’ bil-lejl. Inqata’ d-dawl u anke kien waqa’ xi ġebel. Konna għinna ukoll lil kantanta biex toħroġ mil-lukanda”, jgħidli George.
Karriera mal-baned….miż-Żejtun għal ma’ ta’ Raħal il-Ġdid
Nistaqsuh kif beda jdoqq mal-Banda Beland meta hu kien jgħix Raħal il-Ġdid. Jgħidilna li “kien hemm wieħed jismu Mose kien jaħdem magħna it-Tarzna. Hu kien ħadni. Minn hemm bdejt nidħol fil-każini biex iqabbduni ndoqq lhawn u lhemm. Għamilt tnax-il sena indoqq bla ħlas. Huma kienu tawni l-istrument u qalu li tgħallimt hemm. Ċedejt. Spiċċajna b’naqra ta’ kwistjoni.
Għax fil-baned ikun hemm min hu tajjeb u min hu ħażin. Ħażin mhux f’dak li hu daqq imma f’għemilu. L-istrument li kienu tawni kien wieħed antik. Kien beda jisfar. Kull meta nonfoħ beda anke juġgħani l-istonku. Iddeċidejt li nitkellem. Għedtilhom nixtieq li jkolli strument ieħor. M’għedtilhomx ġdid. Għedtilhom strument ieħor.”

“Niftakar li kien hemm wieħed Ċensu, li kien idoqq il-Bumbardun, li mhux quddiemi kien qal li għandi raġun. Kien qal tajnieh strument li kien ilu 30 sena wieqaf. Tista’ taħseb il-kaxxa tiegħu kienet tal-kartun u jidħol fiha. Jien kont għamiltlu bħal xkora tad-drapp u jidħol fiha. Impikaw miegħi għax jien kont ta’ barra l-pajjiż. Qatt ma qaluli li ksirt xi regolarment. Kont inmur kull kunċert. Kelli karozza u kont inmur. Ġieli mort u sibt ruħi waħdi. Darba minnhom għedtilhom mhux se niġi iżjed daqshekk.”
Ikompli jgħid li “imbagħad fil-frattemp ġie wieħed mill-kumitat tal-Banda de Paule ta’ Raħal il-Ġdid. Qalli smajna bil-kwistjoni li għandek. Għedtilhom mhux tilwima, tlabt strument. Qaluli nixtrulek strument ġdid aħna tigi magħna. Jien ma kellix irbit u kuntratti u għamilt xi erbat ijiem naħseb u nhewden. Kien reġa’ ġie d-dar, qalli x’se tagħmel. Kien hemm ommi u qaltli la qed joffrilek strument ġdid ħudu, jien ma niflħax nixtrilek wieħed. Qaltli mur. U għedtlu niġi.”
George Rodgers ikompli jgħidilna li “niftakar kien ġie s-surmast u qalli smajt li se titlaqna. Għedtlu ta’ Raħal il-Ġdid se jixtruli strument. Għedtlu l-istrument inħobbu, il-banda inħobbha. Jekk ikollkom bżonn jien lest li niġi, anki b’xejn. Għedtlu jien li għamilt mhux bi ġlied imma jien għamiltu għall-ġid tiegħi. Qalli jekk nixtrulek wieħed aħna? Għedtlu issa le hekk għax issa miftiehem ma’ dawn. Għedtlu jiddispjaċini surmast, dan il-pass issa ma nagħmlux.”
George jgħidilna li “ġara li imbagħad kien hemm wieħed li ukoll kellu strument antik u staqsa kif lili offrewli li jixtruli wieħed u lilu le. Kienu iddeċidew li jixtru żewġ strumenti. Jien ma’ ta’ Raħal il-Ġdid għamilt tnax-il sena indoqq u nitħallas.”
Bla esperjenza…missieri ġie miegħi meta bagħtu għalija tal-Kings Own
Jenfasizza li “darba minnhom kont qed indoqq ma’ tal-Qrendi. Ġie wieħed fuqi u qalli Gorg ejja sąl-każin tal-Kings Own għax iridu jkellmuk. Jien għedt lil missieri u fetaħ bokka t’għajn. Missieri ġie miegħi u morna. Sabni wieħed li kien jieħu ħsieb il-banda. Laqqgħani mal-kaxxier u kien hemm wieħed ta’ wara l-President miegħu. Qaluli irrakkomandak is-surmast u staqsewni jekk nixtieqx li nibda indoqq magħhom. Għedtilhom jien għadni nibda. Qaluli se nħallsuk. Kienu jtuni Lm2.50 kull programm.
Għedtilhom nipprova. Dak iż-żmien kienu jkunu 5 jew 4 Baxxi, min quddiem u min wara. Niftakar kien hemm Ċikku u qalli Grog smajt li se ddoqq mal-Kings Own. Qalli qatt toqgħod ħdejn il-katuba għax titbażwar. Oqgħod jew quddiem jew wara. Ma kontx naf x’ried jgħid biha. Bdejna l-marċ tal-festa u poġġejt it-tieni wieħed.
Ġie wieħed u qalli isma’ toqgħodx hawn itla ‘l fuq. Għedtlu ma rridx noqgħod fejn il-katuba u hu qalli le mur aktar lura. Bdejna indoqqu u jien ma bdejtx nisimgħu idoqq lil dan li qalli hekk. Bejni u bejn ruħi bdejt ngħid kif mhux nisimgħu. Wara li spiċċa l-marċ għedt lil missieri. Qalli għadek tibda u la tieħu l-esperjenza tkun taf min qed idoqq u min mhux.”
‘Iva, buli għax tal-kelma’
Jisħaq li “meta kont mort ma’ ta’ Raħal il-Ġdid ftit wara kont qiegħed indoqq ma’ tal-Qrendi. Niftakar ġie s-surmast u qalli ma bqajtx magħna. Kont ilni mis-sena 1983 ma’ taż-Żejtun u magħhom kont bdejt fil-Ġimgħa l-Kbira. Ġie ieħor u qal ‘hawn hu l-buli’. Is-surmast dar fuqu u qallu, vera buli għax tal-kelma. Bqajna ħbieb. Jien bqajt inmur għal xi żmien il-programmi tal-festa tal-Beland.”
Missieri kienu kurunettista prim… ma kienx idoqq mal-baned….kien xtara l-ewwel kurunetta li ġab Boffa
George jgħidilna li fil-mużika ħareġ jixbaħ lil missieru għax kien idoqq il-kurunetta. Hu iżda ma kienx idoqq fil-baned. “Għad għandi l-ewwel kurunetta li ġab Boffa. Kien xtraha missieri. Anki l-irċevuta għad għandi. Jien meta kont indoqq Għajn Tuffieħa daqqjet ma’ Karmenu Muscat, il-Captain u ħafna nies oħrajn. Kont indoqq mal-band ta’ Oscar Lucas. Kien żmien sabiħ”.
Illum il-ħajja totalment differenti….kieku se nrabbi llum ma nrabbix tfal
Nistaqsuh dwar id-differenza fil-ħajja bejn dari u llum. George bla tlaqlieq jgħid li “hemm ħafna differenza. L-ewwelnett illum hawn ħafna libertajiet speċjalment fost iż-żgħażagħ. Jien kont naħseb, fl-1958, li għadna fi żmien ta’ gwerra. Imma imbagħad iżżewwiġt.
Għaddejt minn ċertu affarijiet imma differenza mal-lum hemm ħafna. Lil mara ngħidilha li kieku se nrabbi tfal illum ma kontx inrabbihom. Nippreferi l-ħajja ta’ dak iż-żmien. Kif għaddej minnha jien. Għadda iż-żmien u llum ngħid li ommi u missieri kellhom raġun għax ħarġuni ta’ raġel. Il-bqija dejjem ħdimt. Dejjem stinkajt. Bil-lejl u bi nhar. Ġieli għamilt tlett xogħlijiet. Il-mara qatt ma ħadmet. Jien ħdimt fuq li ħdimt”.