Saturday, December 28, 2024

Mill-bidu tal-2022 diġà mietu u għebu 1,280 immigranti … inklużi tfal

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ta’ spiss nisimgħu li hemm sejħiet għall-għajnuna minn immigranti li jinqabdu f’nofs ta’ baħar fil-Mediterran u flimkien ma’ dawn nisimgħu anke każijiet fosthom li jispiċċaw fi traġedji umani minħabba fatalitajiet. Wara li ftit tal-ġranet ilu smajna bil-mewt bil-għatx ta’ tifla ta’ erba’ snin fost dawn l-immigranti, bħalissa hemm dgħajsa oħra li ilha jumejn fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija li spiċċalhom l-ikel u x-xorb.

Id-dgħajsa li fiha madwar 250 Sirjani inkluż ammont sostanzjali ta’ tfal, għamlet diversi sejħiet għall-għajnuna iżda s’issa għadhom ma ġewx salvati. Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, saru wkoll sejħiet ta’ għajnuna lil bastimenti oħra li hemm fil-qrib imma jidher li ħadd ma offra salvataġġ. Sadanittant, intilef kull kuntatt mad-dgħajsa u mhuwiex magħruf x’sar minnhom.

Fl-inħawi sal-bieraħ filgħodu allegatament kien hemm erba’ patrol boats imma mhuwiex magħruf x’kienu qegħdin jagħmlu fiż-żona.

Il-fenomenu ta’ immigrazzjoni bil-baħar minn pajjiżi fi gwerer, fqar jew taħt tmexxija tirrannika f’dawk l-aħħar snin żdied. Fil-Mediterran l-aktar pajjiżi li fihom imorru immigranti huma l-Italja u Spanja minħabba li t-tnejn li huma jmissu mal-kosta u huma ta’ attrazzjoni għal futur aħjar. Malta, minħabba li hija gżira f’nofs it-triq, f’każijiet fejn vapur bl-immigranti jsib diffikultà fil-vjaġġ, liema vjaġġ ħafna drabi ma jkollux  lil pajjiżna bħala destinazzjoni, tirċievi dawn it-tip ta’ talb ta’ salvataġġ.

Kull ħajja tgħodd? Eluf ta’ immigranti jmutu…

Sfotunatament isiru ħafna talbiet iżda mhux dejjem jaslu fil-ħin jew jintlaqgħu. Fil-fatt mill-2014 mietu u għebu 3,286 immigranti fil-baħar. Dan l-ammont żdied is-sena ta’ wara fejn ftit aktar minn 4,000 persuna mietu jew għebu waqt il-vjaġġ bil-baħar li kienu fih. Is-sena 2016 kienet l-agħar waħda fejn iċ-ċifri juru l-ogħla ammont ta’ fatalitajiet b’total ta’ 5,136 immigranti mejta jew li għebu fil-baħar Mediterran. Din is-sena biss, diġà tilfu ħajjithom u għebu 1,280 oħra. 

Fost il-vittmi ta’ din it-traġedja umana li qegħdin ngħixu kważi ta’ kuljum, hemm nisa u tfal li telqu, jew aħjar, ħarbu minn pajjiżhom biex isibu kenn jew futur aħjar. 

Nhar il-ġimgħa li ġej, għadd ta’ għaqdiet se jingħaqdu fil-Belt fi protesta fis-6.30 ta’ filgħaxija quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Liesse fejn il-Gozo Fast Ferry. Dan bil-għan li jfakkru lit-tifla ta’ erba’ snin li tilfet ħajjitha bil-għatx, Loujin u biex jipprotestaw kontra l-fatt li mhumiex isiru salvataġġi meħtieġa ta’ immigranti f’diffikultajiet fil-baħar.

Ekonomija

Sport