Saturday, December 21, 2024

Mill-bidu tas-sena għaddew iktar minn 8 miljun passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ iktar minn 8.3 miljun passiġġier bejn Jannar u Novembru, hekk kif il-mira ta’ 8 miljun passiġġier intlaħqet għall-ewwel darba fl-istorja tal-ajrurport fit-12 ta’ Novembru, 2024.

Bi tkabbir ta’ 15.0 fil-mija fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra, il-prestazzjoni tat-traffiku tul dawn l-aħħar 11-il xahar diġà kkonfermat is-sena 2024 bħala l-iktar waħda b’saħħitha għall-ajruport s’issa.

F’Novembru, 630,637 passiġġier ivvjaġġaw mill-ajruport, liema riżultat jirrifletti żieda ta’ 19.2 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023. It-traffiku tal-passiġġiera laħaq l-ogħla livelli lejn il-bidu tax-xahar, hekk kif 26,936 moviment tal-passiġġiera ġew irreġistrati nhar is-Sibt 2 ta’ Novembru, l-iktar jum impennjattiv tax-xahar.

B’mod parallel ma’ dan it-tkabbir fil-volum ta’ passiġġiera f’Novembru, il-movimenti tal-ajruplani wkoll żdiedu bi 19.8 fil-mija, filwaqt li l-għadd ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied bi 18.3 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023. Ir-rata ta’ okkupanza fuq it-titjiriet ukoll rat titjib, hekk kif is-Seat Load Factor (SLF) żdied b’0.7 punti perċentwali biex kiseb riżultat ta’ 85.6 fil-mija.

L-iktar suq li kkontribwixxa għat-traffiku ta’ Novembru kien l-Italja (+9.6 fil-mija fuq l-2023), b’sehem ta’ 20.0 fil-mija, u segwit mir-Renju Unit (+16.7 fil-mija). Madankollu, l-iktar tkabbir sinifikanti fost l-ikbar ħames swieq għall-ajruport ġie rreġistrat mis-suq Pollakk (+56.0 fil-mija). Fil-fatt, is-suq Pollakk qabeż dak Ġermaniż kif ukoll dak Spanjol, sabiex sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-aħħar darba li nkiseb dan ir-riżultat kien f’Jannar ta’ din is-sena.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport