Minn din il-ġimgħa l-membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jkollhom tattoo basta dan ikun skont il-policy ġdida li tindika l-partijiet tal-ġisem fejn jistgħu jkunu kif ukoll l-ġeneru tal-istess tattoos.
Dan is-sit tkellem ma’ żewġ artisti tat-tattoos lokali fejn it-tnejn li huma qablu ma’ din il-policy l-ġdida. Etienne Buttigieg minn ‘Tetinu Tattoo’ f’Wied il-Għajn, qalilna li mill-bieraħ stess kellmuh Pulizija biex jagħmlu komma u biex jiċċekkjaw jekk disinji li għażlu humiex konformi mal-policy l-ġdida. Qalilna li ma setax jonqos li fl-aħħar sigħat id-diskors fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem f’Marsaskala waqa’ fuq dan is-suġġett. Żied jgħidilna li hija xi ħaġa sabiħa għal dawk li dejjem xtaqu jagħmlu tattoo imma fil-verità dejjem kellhom jibqgħu lura biex jagħtu prijorità l-karriera tagħhom.
“Ma nemminx li dan għandu jkun il-każ u nħares ‘il quddiem biex din il-policy tiġi estiża f’setturi oħra għax kulħadd għandu dritt għal xi ħaġa bħalma hija tattoo filwaqt li jkompli jirnexxi fil-karriera li jkun għażel mingħajr ma jkun iġġudikat għax ikollu biċċa arti … ikun aħjar jekk nevalwaw il-ħaddiema skont il-valuri u l-qalb li jagħtu fuq il-post tax-xogħol, anke jekk ibatu biex jaqbdu. Nemmen li hemmhekk inkunu verament qegħdin nibnu soċjetà aħjar li toffri l-opportunitajiet”, spjega magħna t-Tetinu.
Mistoqsi jekk jaqbilx ma’ din il-bidla Buttigieg qal li, “iva, tajba ħafna u naqbel magħha. Tajjeb ukoll li dawk interessati, jiċċekkjaw qabel x’jagħmlu bħala tattoo. Imma, almenu, issa jista’ jkollhom tpinġija. L-istigma fl-aħħar mill-aħħar hija fil-moħħ. Barra minn Malta ħafna minnhom għandhom. Li tkun pulizija tajjeb, tajjeb se tibqa’ anke jekk tkun mimli bit-tattoos u jekk tkun pulizija korrott, korrott tibqa’,” saħaq Buttigieg.
It-tattoo artist Monique Debattista minn ‘Monink Tattoos Studio’ f’San Pawl il-Baħar, qaltina li mhux għax persuna tagħmel tattoo se tibdel il-mentalità jew il-karattru tagħha. “Jekk bniedem isalvalek ħajtek ma ssaqsiehx jekk għandux tattoos qabel. Jien mimlija bit-tattoos u kif kont bqajt. Dik hija arti. Ma nistax nifhem kif jistgħu jarawha bħala xi ħaġa oħra,” temmet Monique.