Saturday, December 21, 2024

Mill-festa ta’ San Bastjan għall-Festival tal-Letteratura

Aqra wkoll

Mario Cardona għandu dottorat mill-Università ta’ Edinburgh u huwa Deputat Prinċipal għall-Arti u x-Xjenzi Soċjali fl-MCAST. Ippubblika żewġ ġabriet ta’
poeżija u fil-jiem li ġejjin se joħroġ pubblikazzjoni letterarja oħra. Illum jgħix il-Manikata imma trabba Ħal Qormi u ġej minn żewġ familji kbar b’ħafna tfal.

“Min-naħa ta’ ommi n-nanna kienet tieħu ħsieb it-tiġieġ u l-fniek, u n-nannu kien bajjad. Min-naħa ta’ missieri n-nanna kienet taħdem il-ganċ, u n-nannu kien fattiga l-Ingieret u kellu merħla tal-mogħoż. Ħajti għextha mdawwar bl-annimali u f’ambjent li ħafna nies mhumiex imdorrijin fih. Inħoss li fl-iskola ġegħluna naħsbu li għandna nitbiegħdu minn din il-kultura, nistħu nassoċjaw ruħna magħha. U kien hemm żmien meta veru għamilt hekk. Imma mbagħad bdejt ninduna li biex ikollok koerenza fil-ħajja trid tikber minn dak li int, mhux minn xi ħaġa oħra
li m’intix. U iktar ma għadda ż-żmien iktar bdejt napprezzaha din il-kultura.”

Il-poeżiji ta’ Cardona spiss jirriflettu l-esperjenzi tal-kultura li trabba fiha u l-kitba
donnha ssir tentattiv biex jasserixxi għeruqu. Id-djalett Qormi jitfaċċa fi wħud minn dawn ix-xogħlijiet għax, kif jgħid hu stess, baqa’ parti minnu u jiddejjaq meta dak li jkun jiddemonizzah bħallikieku huwa parti minn sottokultura ta’ min jaħrabha.

Fl-2007 waqqaf il-Koperattiva Rurali Manikata u għadu s’issa involut bħala voluntier għax jieħu ħsieb l-annimali tar-razzett. Il-mużika tgħinu jirrilassa u fis-sajf idoqq malbaned f’festi differenti. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji, Fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel (Horizons, 2019) kienet finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Fit-tieni ġabra Allat tal-Landa (Horzions, 2022) l-identità hija preokkupazzjoni ewlenija li tissarraf f’tensjoni bejn il-kultura kolta u l-kultura popolari. “Il-poeżiji ta’ Allat tal-Landa ktibthom f’mument partikolari f’ħajti. Wara 25 sena ngħix il-Manikata, ftit jew wisq sajjem mill-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħal Qormi, fl-2016 lestejt id-dottorat u erġajt għodost fil-ħajja tal-każin u l-għaqdiet. Kien mument importanti li fih bdejt nirrealizza li l-akkademja, il-filosofija, u l-filosofija tal-edukazzjoni, u d-dinja tal-każin, tal-festa u rraħal, m’għandhomx għalfejn
ikunu żewġ dinjiet separati. Lili l-waħda u l-oħra jgħinuni nagħmel sens mit-tnejn li huma flimkien. It-tieni ktieb jinkludi ħafna riflessjonijiet fuq dawn iż-żewġ dinjiet
li b’xi mod jiltaqgħu.”

Lil hinn mill-pubblikazzjonijiet letterarji, Cardona ppubblika wkoll dwar il-koperattivi, dwar l-edukatur Taljan Lorenzo Milani, u fuq il-faqar f’Malta. Il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali huma għal qalbu u jittrattahom kemm-il
darba fil-poeżiji tiegħu.

“Ħafna mill-kummenti politiċi u soċjali fil-kitba tiegħi joħorġu mid-diżappunt li għandi bil-partiti lkbar. Naħseb li għaddejjin minn perjodu twil ħafna li fih, kif kien qal Lorenzo Milani, minflok għandna l-mexxejja jmexxu lill-poplu, għandna lill-poplu li jipprova jiġbed warajh lill-mexxejja forsi jiċċaqalqu. Illum għandna partiti li donnhom jaħsbu li l-għan huwa l-partit innifsu u jibqax jew jitlax fil-gvern, mentri l-partit għandu jkun għodda biex iġib il-bidliet li hemm bżonn u jaħdem għall-ġustizzja soċjali. Jien ġej minn tradizzjoni xellugija, soċjalista. Inħoss li
s-soċjalisti Maltin fil-preżent huma nies bla dar.”

Cardona jinsisti li mhuwiex nostalġiku għas-soċjaliżmu tas-sebgħinijiet, imma
jħossu rrabjat li m’għandniex soċjaliżmu kontemporanju. “Naħseb li l-iktar grupp
li nassoċja ruħi miegħu llum huwa l-Moviment Graffitti. Nammirahom ħafna u l-aġenda tagħhom naqbel ħafna magħha: fejn tidħol il-ġustizzja soċjali u l-ambjent li ma tistax tifirdu minnha; id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli u l-gruppi etniċi; il-viżjoni li tmur lil hemm minn xtutna, bħall-kwistjoni tal-Palestina… għalija dan hu l-veru soċjaliżmu.”

Cardona jħoss li, fil-konfront ta’ dawn id-diżillużjonijiet politiċi, il-letteratura
tista’ tkun għodda b’saħħitha u tagħmel differenza. “Il-letteratura tista’ tkun
mezz b’saħħtu biex trawwem valuri marbuta mal-ġustizzja soċjali u żżomm
id-demokrazija ħajja. Tista’ tgħinna naħsbu b’mod kritiku, nirriflettu qabel nitkellmu, nirreżistu l-kultura kapitalista, u niġġieldu għal-libertà u għal ħajja ta’
kwalità. Kif jgħid John Dewey, id-demokrazija mhix ilpunt tal-wasla imma proċess
li jevolvi kontinwament. U f’dan is-sens il-letteratura jista’ jkollha rwol importanti
ħafna. Minn hawn u ftit jiem oħra se nkunu nistgħu ngawdu pubblikazzjoni ġdida ta’ Cardona, Kantuniera ’l isfel minn ta’ Pintu.

Din id-darba se joħroġ ġabra ta’ aneddoti dwar waqtiet li għex bħala tifel f’Ħal Qormi. Dan ilproġett beda fi żmien il-pandemija għax, qabel ma ħolom li joħroġhom fi ktieb, dawn ir-rakkonti qosra tellagħhom wieħed wieħed fuq Facebook biex jakkumpanjaw ir-ritratti li laqtuh mill-albums ta’ tfulitu u li beda jaqsam ma’ ħbiebu online.

“Peress li kienu stejjer fuq affarijiet f’Ħal Qormi, uħud minn dawk li kienu jaqrawhom kienu jkunu familjari magħhom. Allura l-lista tal-kummenti ġieli kienet tkun veru twila: min iżid mad-dettalji, min jagħti l-verżjoni tiegħu, min jikkoreġi xi sena li nkun ftakart ħażin. Meta ġejt biex niġborhom għall-pubblikazzjoni, jien u t-tifla ħadna biċċa xogħol kbira. Dorna l-kummenti kollha u rajna x’nistgħu
nintegraw fit-test. Biż-żieda ta’ wħud mill-kummenti lproġett ħa xejra kollaborattiva, u l-interazzjoni mal-qarrejja bdiet qabel ma ħarġet il-pubblikazzjoni.”

Minkejja li t-tifkira qiegħda fil-qalba tat-tielet ktieb, Cardona jinsisti li mhuwiex wieħed minn dawk li jemmnu li konna aħjar meta konna agħar. “Ma ngħidx li meta nħares lura ma nħossx xi ftit tan-nostalġija, imma bħal kulħadd nieħu pjaċir bil-kumdità li għandna llum. Ma naħsibx li nikteb fuq l-imgħoddi biex l-affarijiet ma jintesewx. Min-naħa l-oħra naħseb li importanti nirrealizzaw li lħajja li qed ngħixu mhix l-unika ħajja li nistgħu ngħixu; hemm mudelli ta’ ħajja u kulturi differenti minn tagħna u tajjeb li napprezzawhom. Fl-istess ħin nikteb fuq l-imgħoddi bl-għarfien konxju li ż-żmien għaddej u ma nistgħux inwaqqfuh. Għalhekk nemmen li importanti naħsbu fuq kif se nqattgħu l-ftit ħin li għandna.”

Mario Cardona hu wieħed mis-seba’ kittieba li ftit tal-jiem oħra se jieħdu sehem fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, organizzat minn Inizjamed. Bħalissa l-kittieba minn pajjiżi differenti qed jittraduċu x-xogħlijiet ta’ xulxin qabel ma jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ fil-laboratorju tat-traduzzjoni li jsir filġimgħa tal-Festival, ftit qabel ma jaqraw is-siltiet tagħhom quddiem il-pubbliku.

“Il-festival għadu bilkemm beda imma diġà tani esperjenza sabiħa ħafna. Xħin it-traduttriċi bagħtitli tliet poeżiji tiegħi maqluba mill-Malti għall-Ingliż ħassejt xi ħaġa li qatt m’esperjenzajt qabel. Qisu minn banda f’idi kelli xogħol li hu tiegħi għax ktibtu jien, imma mill-banda l-oħra ħa ħajja differenti għax fih ir-ruħ ta’
min ittraduċih. Issa ħerqan biex nara poeżiji oħra minn tiegħi tradotti, u kuntent li
se jkolli ċ-ċans niltaqa’ ma’ kittieba oħrajn u nispira ruħi minnhom. Moħħi diġà qed iberren fuq il-proġett ta’ kitba li jmiss, allura nittama li dan il-festival jagħtini l-ispark li tgħinni nibdieh.”

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2024. Seba’ kittieba minn ħames pajjiżi differenti se jaqraw waqt id-19-il edizzjoni tal-Festival: Malika Booker – poetessa Ingliża b’għeruq Gujaniżi u Grenadjani, Irene Chias – rumanziera Taljana li toqgħod Malta, David Aloisio u Mario Cardona minn Malta, Raymond Antrobus
mir-Renju Unit, Josep Pedrals mill-Katalunja, u Maja Ručević mill-Kroazja.

Il-Festival se jittella’ mill-Erbgħa 28 sas-Sibt 31 ta’ Awwissu 2024. L-attivitajiet kollha se jsiru fil-Valletta Design Cluster u fil-Kampus tal-MCAST, Raħal Ġdid. Il- biljetti għall-iljieli ewlenin jistgħu jinxtraw minn showshappening.com. Għal iktar tagħrif segwu lil Inizjamed fuq Facebook, Instagram, u s-sit www.inizjamed.org

Ekonomija

Sport