Jiggarantixxi taħlita ta’ dedikazzjoni u ġenwinità f’kulma jagħmel
“Ċertament li ma jkunx għaqli li tinsa minn fejn tlaqt, iżda nemmen li biex tagħti ġieħ lil dak li tkun toħlom għalih trid tara li l-għeruq ma jsibux imblokk biex ikunu jistgħu jibqgħu jinfirxu kemm jista’ jkun fil-bogħod”. Hekk beda biex jgħid magħna d-Dulċier Paul Charles Buttigieg Tanti li qalb it-taħbit li kien għaddej minnu waqt il-preparamenti tal-ħelu ta’ matul dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Paul Charles qalilna li għaddew fuq 30 sena minn meta l-ġenituri tiegħu kienu ħadu forn tal-ħobż u li dak iż-żmien sa minn meta kellu dawk l-erba’ snin kont tarah jixxabbat mal-imwejjed biex isegwi mill-qrib il-proċess. Dak iż-żmien ommu kienet bdiet xi ħelu tradizzjonali li kien jinbiegħ ta’ kuljum meta l-klijenti jiġu biex jiġbru l-ħobż. Meta tfarfar, Paul Charles ħass li kellu t-teknika bħal donnu kienet ġo fih u għażel li jżewwaqha mat-tagħlim billi għażel il-home economics bħala suġġett tal-għażla fl-iskola fejn kien jattendi.
Jgħidilna li kollox ħa żvolta oħra madwar sena ilu meta feġġew l-ewwel każi tal-Covid-19 f’pajjiżna. Spiċċa maqbud id-dar f’perjodu ta’ kwarantina. Martu Christine mill-ewwel jiem innutat imġiba stramba hekk kif żewġha ma kienx xi wieħed li se jissaporti jara l-films jew joqgħod b’idejh fuq żaqqu. Kienet qiegħda tqalleb online u ltaqet ma’ korsijiet online. Paul Charles qalilha li kien lest jidħlilhom u minn klassijiet online saħansitra kien rebaħ bl-aħjar preżentazzjoni ta’ ċertu ħelu. Jgħidilna li dan kompla jimmotivah biex ikompli jifrex l-għeruq tiegħu u wara numru ta’ ċertifikati miksuba minn dawn il-korsijiet, mar pass oltre meta ġie avviċinat minn waħda mill-għalliema online biex jieħu lezzjonijiet oħrajn aktar avvanzati.
“Ma nixtieqx ninftiehem li jiena xi persuna ingrata jew b’xi mod superjuri, anzi nieħu pjaċir naqsam l-ideat tiegħi ma’ dawk li verament għandhom passjoni għal dan ix-xogħol. Iżda korsijiet hawn Malta qatt ma kont imħajjar nieħu għax biex immur noqgħod nisma’ dak li min jaf kemm semgħu ħaddieħor qabli qisha ma tantx niżlitli. Dawn il-korsijiet online għenuni nesperimenta f’ikel tradizzjonali barrani u li f’pajjiżna jista’ jitqies bħala kunċett ġdid”, kompla jgħidilna d-Dulċier minn ‘The House of Flour by Paul Charles’.
Id-Dulċier spjegalna dwar ċertu ħelu li kien għaddej jaħdem fuqu. Għamilha ċara magħna li meta l-ġenituri fl-aħħar ġimgħat ħadu d-deċiżjoni li jbigħu l-ħanut, hu kien xettiku li jaħdem għal ħaddieħor anke minħabba ċertu materjal li hu kien juża f’xogħlu kien jassigura li jkun fost l-aqwa lil hinn mill-prezz tiegħu. Barra minn hekk, il-klijenti tal-forn urew li huma xtaqu li l-ħelu li kien introduċa hu matul is-snin xtaqu li jibqgħu jsibuh għall-bejgħ.
Spjegalna dwar id-dedikazzjoni kbira tiegħu u li biex llum fl-aħħar jiem tas-sena qiegħed jaħdem l-ordnijiet tal-mince pies, kien lura f’Marzu li ħejja t-taħlita li għal madwar tmien xhut titħalla “tiffermenta”; il-proċess fejn l-ingredjenti jitħalltu f’xulxin għal togħma ferm ifjen. Kellimna wkoll dwar il-German Stollen li jinqasam wara erbat ijiem minn meta jinħareġ mill-forn. Dan jinħadem minn għaġina ratba ħafna, b’taħlita ta’ butir, lewż, rum u frott. Hawnhekk għamilha ċara li waħda mill-affarijiet li jħares f’xogħlu hija li jara li t-togħma tal-ingredjenti tkun tintiegħem f’kull parti, iġifieri mhux biex idduq il-lewż trid tiekol nofs il-prodott. Il-ħidma għall-ħelu tal-Milied bdiet qisu f’nofs Novembru, iżda d-Dulċier spjegalna li matul is-sena kollha hu jbakkar kmieni, iżda minn martu Christine għandu spalla kbira kemm bħala tindif, kemm fl-ordnijiet, kif ukoll fit-tmexxija tal-paġna ta’ Facebook.
Mistoqsija oħra li għamilna lid-Dulċier kienet jekk illum il-klijenti humiex kapaċi jiddistingwu bejn il-prezzijiet tal-prodotti. B’ċertu tbissima fuq wiċċu huwa jgħidilna li bħal f’kull xogħol ieħor tiltaqa’ ma karattri mħallta, iżda li llum il-ġurnata dawk li jitilfulek il-paċenzja bħal donnhom qegħdin jonqsu. “Min jiġi għandna jaf li jien nħobb nuża kemm jista’ jkun prodotti naturali u għalhekk jekk ħaddieħor qiegħed jikkometi miegħi bir-riżultat jeħtieġ li jikkompeti wkoll bl-ingredjenti. Jekk torta tal-lewż, jekk cruffins, jekk mince pies, jekk christmas cake, u kulma joħroġ minn din id-daqsxejn ta’ kċina, hawnhekk nibqa’ sakemm nara li saħansitra nagħmel l-irtokki għax mal-kaxxa tal-prodott hemm isimi li x-xewqa tiegħi kienet dejjem li dan ikun ċertifikat imħawwar ta’ dedikazzjoni u ġenwinità tal-prodott”, tenna jgħid id-Dulċier.
Qabel ġejna biex inħallu lil Paul Charles u lil Christine ikomplu bil-ħidma tagħhom tlabna lid-Dulċier jgħaddi appell ta’ kuraġġ lil dawk li għandhom xewqa li jikbru fit-talent tagħhom, iżda hemm xi ħaġa li qiegħda żżommhom milli jimirħu.
“Tajjeb li ssib lil xi ħadd li jgħinek, iżda ma tridx taqta’ qalbek. Trid tfittex, taqra u tesperimenta. Affarijiet ħżiena se jiġuk. Tista’ tkun l-aqwa f’xogħlok għax xorta se jiġuk drabi fejn ikollok aptit tgħolli kollox u tgħid daqshekk. It-temp f’pajjiżna jilgħab irwol importanti wkoll u l-varjazzjoni tiegħu tista’ tgħin jew ixxekkel ukoll il-proċess. Imma lil hinn minn dan kollu jiena nemmen li s-sabiħ tal-ħajja huwa li jekk minn żerriegħa tara l-għeruq u tifraħ, kemm ikun isbaħ jekk tara li dawn l-għruq jinfirxu biex is-siġra tkun kemm jista’ jkun kabbarija u b’saħħitha”, temm jgħdilna Paul Charles.