Għal sena oħra, tħabbar il-ftuħ tal-iskema Voluntary Organisations Projects Scheme, magħrufa aħjar mal-għaqdiet bħala l-iskema VOPS. Din tassisti finanzjarjament b’mod tanġibbli għaqdiet volontarji biex iwettqu l-ideat tagħhom u jsarrfuhom fi proġetti diretti fil-komunità. Il-baġit għal din is-sena se jkun dak ta’ €800,000.
Il-ftuħ ta’ din l-iskema tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.
Il-proġetti eliġibbli jistgħu jkunu minn diversi oqsma bħal volontarjat, l-ambjent sostenibbli, l-arti, mużika, sport, edukazzjoni, kultura, drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ. Dawn il-proġetti jistgħu jkunu inizjattivi differenti inkluż attivitajiet jew xogħol fil-komunità, inizjattivi ta’ infrastruttura, riċerka, jew favur it-tisħiħ tal-inklużjoni.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif il-Gvern jibqa’ konsistenti fil-ħidma tiegħu favur is-soċjetà ċivili u l-volontarjat. “Permezz tal-iskema VOPS qed inkomplu nagħtu s-setgħa lill-għaqdiet volontarji biex ikunu l-mutur tal-bidla u tal-progress fil-komunitajiet tagħna. Dawn il-fondi mhux biss qed jissarrfu f’attivitajiet jew proġetti konkreti, iżda huma wkoll investiment dirett fin-nies u fil-valuri tas-solidarjetà, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva li jagħmluna poplu iktar magħqud. Bħala Gvern qed inżommu l-kelma tagħna li npoġġu l-volontarjat fil-qalba tal-politika soċjali tagħna, għax nemmnu li flimkien mal-għaqdiet u mal-voluntiera nistgħu nibnu pajjiż aktar ġust, sostenibbli u b’ħafna iktar opportunitajiet għal kulħadd.”
Din is-sena, it-tnedija tal-iskema saret għand iż-Żurrieq Football Club, li bbenefika minn fondi VOPS b’investiment ta’ €20,000 għall-proġett “Slide Tackling screen time through Sports”. Dan il-proġett jindirizza l-isfida tal-ħin żejjed fuq l-iskrin fost it-tfal, permezz ta’ inizjattivi edukattivi u soċjali li jippromovu l-attività fiżika, il-kooperazzjoni, il-volontarjat u l-inklużjoni. Il-proġett joffri wkoll lezzjonijiet tal-arti għat-tfal tan-nursery, u diġà qed jibbenefikaw aktar minn 200 tifel u tifla flimkien mal-familji tagħhom. Permezz tal-futbol, dawn it-tfal mhux biss qed itejbu s-saħħa fiżika tagħhom, iżda wkoll il-kreattività u l-benesseri ġenerali.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda li t-tfal taħt sena m’għandhomx ikunu esposti għal skrins diġitali, u li għal tfal ikbar l-użu għandu jkun limitat ħafna. Dan għaliex l-użu żejjed tal-iskrin hu marbut ma’ riskji għas-saħħa fiżika u mentali, inkluż diffikultajiet fl-irqad, problemi ta’ konċentrazzjoni u żieda fir-riskju ta’ mard kroniku aktar tard fil-ħajja. Għaldaqstant, l-importanza ta’ tfal li jqattgħu aktar ħin f’attivitajiet fiżiċi, kreattivi u soċjali, bħal dawk offruti mill-proġett taż-Żurrieq Football Club, tibqa’ kruċjali biex jikbru f’ambjent b’saħħtu u mhux dipendenti fuq il-ħajja diġitali.
Wieħed mill-parteċipanti tal-proġett, Kaine Farrugia ta’ 13-il sena, spjega kif dan is-sajf kien l-ewwel wieħed fejn naqqas drastikament l-użu tal-mobile u minflok iffoka fuq il-futbol u l-arti. Huwa rrimarka li permezz tal-inizjattiva mhux biss skopra interessi ġodda, iżda wkoll għamel ħbiberiji ġodda u gawda aktar ħin ta’ divertiment ma’ sħabu.
Taħt din l-iskema tul dawn l-aħħar disa’ snin ġew allokati aktar minn €8 miljun, li lkoll issarrfu fi proġetti b’riżq il-komunità.
L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 17 ta’ Settembru 2025 sa nofsinhar tal-Erbgħa 29 ta’ Ottubru permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt. Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni sabiex tkun ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni. L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Mauro Pace Parascandalo, qal li “l-VOPS hija waħda mill-iskemi li l-aktar toħloq interess mal-għaqdiet, u dan jixhed is-suċċess tal-Kunsill li jkompli jisma’ u jirrispondi għall-bżonnijiet tas-settur bil-għan li jkompli jinħoloq il-ġid permezz tal-volontarjat”.