Saturday, November 23, 2024

Mill-Ġimgħa jibdew iż-żjarat fil-ħabs

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn nhar il-Ġimgħa jissoktaw iż-żjarat lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hekk kif jintemmu l-maġġoranza tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ COVID-19. 

Bil-għan li fil-faċilità jibqgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, f’dawn iż-żjarat mhux se jkun hemm kuntatt fiżiku bejn ir-residenti u l-persuni li jżuruhom.

L-isforzi biex ma jkunx hemm każi ta’ Covid-19 fil-ħabs sa issa ħallew il-frott fid-dawl li ma kienx irrapportat każ pożittiv wieħed.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fisser kif filwaqt li wieħed dejjem irid ikun kawt huwa ċar li dan hu riżultat tal-pjan ta’ kontinġenza li kellha t-tmexxija tal-faċilità.

“Dawn ir-riżultati juru li fil-faċilità korrettiva għandha fi ħdanha korp dixxiplinat li lest iqum għall-okkażjoni kull darba li l-pajjiż isejjaħlu. Issa li l-pajjiż sejjer lura għan-normalità anke fil-ħabs irid jiġri dan bil-prekawzjonijiet li żammew fis-seħħ l-awtoritajiet tas-saħħa”, qal il-Ministru Camilleri. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għall-impenn tagħhom tul dan il-mument diffiċli li għadda b’wiċċ il-ġid u sostna li esperjenzi pożittivi li għexna fl-aħħar ġimgħat għandna nżommuhom magħna.

“Matul dawn l-aħħar ġimgħat bdew jintużaw mezzi oħra biex il-priġunieri jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ barra. Għaldaqstant, flimkien mat-telefonati, l-użu ta’ Skype se jibqa’ jintuża biex il-priġunieri jżommu kuntatt mal-qraba tagħhom f’darhom. Dan filwaqt li jiġi assigurat li jitħarsu r-regolamenti tal-ħabs,” qal il-Ministru Camilleri.

L-uffiċjali korrettivi, li ilhom madwar tliet xhur jirrapportaw għal ġimgħa ta’ xogħol konsekuttiva, ukoll se jkunu qed jirritornaw għar-rutina normali.

Sport