Minn nhar il-Ħadd, 15 t’Ottubru, persuni u negozji li jinqabdu joħorġu kontenut b’ieħor fil-borża tal-iskart jistgħu jeħlu sa €150 multa.
Dan minħabba li l-moratorju ta’ sitt xhur – perjodu li matulu n-nies kellhom iċ-ċans biex jedukaw ruħhom u jilħqu jidraw il-liġijiet il-ġodda b’rabta mas-separazzjoni tal-iskart – jiġi fi tmiemu din il-ġimgħa.
Matul il-ġimgħat li ġejjin, uffiċjali tal-ERA kif ukoll uffiċjali oħra tal-infurzar, se jkomplu għaddejjin b’sensiela ta’ spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex sabiex jagħmlu ċert li l-iskart maħruġ mid-djar u n-negozji jkun isseparat kif suppost: il-borża t-trasparenti għall-iskart organiku, il-borża l-griża jew il-ħadra għall-iskart riċiklabbli, u l-borża s-sewda għall-iskart l-ieħor.
L-uffiċjali tal-infurzar huma awtorizzati bil-liġi sabiex jiċċekkjaw il-boroż maħruġa għall-ġbir tal-iskart u biex joħorġu twissijiet u multi lil dawk il-persuni li jisseparaw l-iskart fil-borża l-ħażina.
Minn Lulju li ġej, se tkun mandatorja li l-boroż is-suwed jibdew ikunu trasparenti minflok dawk użati fil-preżent. Dan sabiex tkun iżjed faċli għall-uffiċjali tal-infurzar biex jiċċekkjaw il-kontenut tal-boroż mingħajr il-ħtieġa li jiftħuhom waħda waħda.
Sadanittant, se tibqa’ fis-seħħ il-multa ta’ €150 għal dawk il-persuni li joħorġu borża b’oħra minflok ma jimxu skont l-iskeda. F’Jannar li għadda, il-kunsilli lokali nedew skeda ġdida tal-ġbir tal-iskart għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
Il-borża tal-iskart organiku bdiet tinġabar nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, filwaqt li l-borża s-sewda bdiet tinġabar kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt. Il-borża l-griża jew il-ħadra għall-materjal riċiklat bdiet tinġabar nhar ta’ Ħamis. Il-ħġieġ beda jinġabar kull l-ewwel u t-tielet Ġimgħa tax-xahar.
F’April ta’ din is-sena ġew introdotti regolamenti ġodda dwar is-separazzjoni tal-iskart. L-ERA min-naħa tagħha ddedikat sitt xhur sħaħ ta’ kampanja edukattiva sabiex tgħin lill-pubbliku jadatta bil-mod il-mod għas-sistema l-ġdida. F’dawn l-aħħar sitt xhur, l-uffiċjal tal-infurzar fi ħdan l-ERA wettqu iktar minn 2,600 spezzjonijiet f’lokalitajiet differenti bil-għan li jiġu rispettati r-regoli tal-iskeda nazzjonali tal-iskart kif ukoll li n-nies jitgħallmu kif għandhom jisseparaw l-iskart.
L-ERA tħeġġeġ lil kulħadd biex is-separazzjoni tal-iskart issir kif suppost sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu parti minn futur iżjed sostenibbli u jiġu evitati ċertu konsegwenzi marbuta ma’ nuqqas ta’ konformità.
Jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed fis-separazzjoni tal-iskart – djar, negozji, entitajiet tal-Gvern, u organizzazzjonijiet oħra – dan jirrifletti b’mod pożittiv fuq immaniġġjar ta’ skart iżjed sostenibbli, riċiklaġġ jew ipproċessar ta’ skart għal enerġija nadifa, filwaqt li jonqos l-impatt negattiv li jħalli l-iskart fuq l-ambjent ta’ madwarna.
Permezz tal-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart 2021-2030, Malta qed taħdem qatigħ biex sal-2035 jirnexxilha tnaqqas ir-rata tal-iskart muniċipali fil-miżbliet għal 10%.
Għal iżjed informazzjoni tista’ żżur is-sit wastecollection.mt.