Saturday, November 9, 2024

Mill-inqas 30 imutu u mijiet oħra midrubin fi splużjoni fil-Bangladesh

Aqra wkoll

irien u splużjoni qawwija qatlu minn tal-inqas 34 persuna u ferew mijiet fil-belt ta’ Chittagong fil-Bangladesh. 

Il-każ seħħ hekk kif mijiet ta’ persuni marru biex jikkontrollaw nirien li żviluppaw f’żona ta’ mħażen f’Sitakunda meta f’daqqa waħda għadd ta’ kontejners splodew. S’issa għadu mhux magħruf xi kkawża dawn in-nirien, filwaqt li hemm suspetti li fil-kontejners li splodew kien hemm maħżuna xi tip ta’ kimika. 

Uffiċjali li tkellmu mal-mid­ja qalu li l-isptarijiet taż-żona ma jistgħux ilaħħqu man-numru ta’ pazjenti li daħlu wara l-isplużjoni u qed jitolbu għal donazzjonijiet urġenti ta’ demm. Ħafna minn dawk li sofrew ġrieħi jidher li jinsabu f’qagħda kritika u b’hekk sfortunatament in-numru ta’ persuni mejta mistenni li jkompli jiżdied. 

Persuna li kien fuq il-post qal mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li l-isplużjoni tant kienet qawwija li huwa tar għaxar metri, kif ukoll ġarrab ħruq f’dirgħajh u riġlejh. 

Fuq il-post hemm għadd ta’ voluntiera li qed jagħtu l-għajnuna kif jistgħu u ħafna minn dawn lanqas biss għandhom ilbies protettiv tant li saħansitra hemm uħud minnhom li f’saqajhom għandhom biss qorq. Hu mifhum ukoll li minn tal-inqas ħames ħaddiema tat-tifi tan-nar tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, kif ukoll numru ta’ ġurnalisti li marru fuq il-post hekk kif żviluppaw in-nirien jinsabu rrapportati nieqsa. 

L-isplużjoni kienet tant qawwija li nstemgħet minn għadd ta’ kilometri bogħod kif ukoll kienu rrapportati ħsarat u debri anke sa nofs kilometru bogħod miż-żona. 

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar kellhom biċċa xogħol diffiċli ħafna biex jikkontrollaw in-nirien, hekk kif splużjonijiet f’numru ta’ kontejners komplew jagħmlu l-ħidma tagħhom ferm iktar perikoluża u kkumplikata. Fuq il-post ġew mibgħuta wkoll numru ta’ suldati fejn dawn bdew ħidma biex jipprevjenu milli din il-kimika tispiċċa fil-baħar.

Fid-dipot ta’ Sitakunda kien hemm maħżuna madwar 4,000 kontejner. Dan hu post ta’ tranżitu għal kontejners li jkunu qegħdin jinġarru lejn il-port ta’ Chittagong – it-tieni l-ikbar port ta’ Bangladesh. 

Fost il-midrubin hemm diversi pumpieri li sofrew ġrieħi kawża tal-isplużjoni.

Sport