Matul is-sentejn ta’ gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas, aktar minn 94 priġunier u detenut Palestinjan mietu waqt li kienu qed jinżammu f’ħabsijiet Iżraeljani. Din iċ-ċifra tirriżulta minn rapport ġdid minn Physicians for Human Rights Israel (PHRI) li jallega prattika ta’ qtil sistematiku u ħabi ta’ atti bħal dawn.
Ir-rapport ikopri l-perjodu bejn is-7 ta’ Ottubru 2023, meta l-Ħamas nieda l-attakk fuq Iżrael, li qanqal l-aħħar kunflitt f’Gaża, u l-31 ta’ Awwissu 2025, li fih jgħid ukoll li inqas minn 30 Palestinjan kienu mietu taħt kustodja Iżraeljana fl-10 snin ta’ qabel.
Is-Servizz tal-Ħabsijiet ta’ Iżrael (IPS) mill-banda l-oħra jgħid li l-ħabsin kollha jinżammu skont proċeduri legali, u d-drittijiet tagħhom inkluż l-aċċess għall-kura medika, l-iġjene, u kundizzjonijiet ta’ għajxien adegwati huma rispettati minn staff imħarreġ professjonalment.
Mis-7 ta’ Ottubru 2023, eluf ta’ Palestinjani ġew arrestati madwar Gaża u x-Xatt tal-Punent, ħafna minnhom mingħajr akkuża.
Il-PHRI kixfet xejra ferm inkwetanti ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontra Palestinjani miżmuma minn Iżrael kklassifikati bħala priġħala parti minn politika uffiċjali implimentata mill-awtoritajiet Iżraeljani minn mindu bdiet il-gwerra.
Ir-rapport tal-PHRI huwa bbażat fuq rekords uffiċċjali, informazzjoni minn gruppi oħra tad-drittijiet tal-bniedem u sforzi biex jinstabu nies speċifiċi, kif ukoll xiehda minn detenuti, il-familji tagħhom u l-avukati.
L-awturi tar-rapport jelenkaw li 52 minn dawk li mietu kienu qed jinżammu fi ħabsijiet militari filwaqt li 42 mietu f’ħabsijiet ċivili mmexxija mill-IPS. L-imwiet kienu kkawżati minn vjolenza fiżika, negliġenza medika, jew it-tnejn.
Ħames suldati riservisti Iżraeljani ġew akkużati b’abbuż aggravat u li kkawżaw feriti serji lill-priġunieri, wara li priġunier Palestinjan allegatament ġie msawwat u ngħata daqqiet ta’ sikkina fil-warrani f’Lulju 2024.
Ħarġu filmati li juru suldati riservisti jieħdu priġunier fil-ġenb u jdawruh b’tarki kontra l-irvellijiet qabel ma allegatament ġie attakkat.
L-allegat attakk kien qasam in-nazzjon fi tnejn, b’xi politiċi tal-lemin jikkritikaw investigazzjoni tal-pulizija militari u anke xi protesti kontra d-“dritt għall-istupru” barra l-ħabs.
Ir-rapport tal-PHRI jakkuża lill-awtoritajiet Iżraeljani li qed jippruvaw jgħattu u jrażżnu l-investigazzjonijiet dwar l-imwiet Palestinjani u l-allegati abbużi waqt il-kustodja tagħhom.

