Wednesday, December 25, 2024

MILL-KLIEM GĦALL-FATTI FIL-QRATI TAGĦNA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, minn dawn il-kolonni, staqsejna d-domanda ta’ fejn se naslu bl-etika fuq il-midja u r-rispett lejn ħaddieħor. Kunċett simili tqajjem riċentament fil-Qorti b’Maġistrati jgħid li llum għandek il-Qorti tal-midja soċjali u l-Qorti tal-Ġustizzja u li l-kawżi għandhom jiġu indirizzati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dak li jsawwarha. Faċli li kulħadd jgħid tiegħu fuq il-midja soċjali, kulħadd jipponta subgħajh anke ħafna drabi fejn jaqbillu, iżda m’hemm xejn isbaħ li naraw li ssir ġustizzja vera u li din kemm jista’ jkun issir mingħajr tkaxkir tas-saqajn.

Simili għal dan kien id-diskors tal-aħħar seduta f’Għawdex mill-Maġistrat Joe Mifsud fejn fakkar li fil-passat meta beda jaqdi dmirijietu fil-Qorti u sab numru ta’ files mhux ħażin li kienu tħallew fuq l-ixkaffa għal diversi snin. Ovjament il-persuni involuti jistennew deċiżjoni kienu ilhom żmien ġejjin u sejrin il-Qorti. 

Nemmnu li ilna ħafna ngħidu dwar il-bżonn li l-ġustizzja trid issir fi żmien raġonevoli u mhux b’mod kajman. Donnu ndrat wisq il-frażi meta tidħol il-Qorti taf u meta toħroġ ma tafx. Din l-attitudni la hija sewwa għal min ikun mixli u lanqas għall-vittmi. Jiġuna f’moħħna fost kawżi oħra li jġebbdu snin każi ta’ persuni li jinfetħu kawżi kontrihom fuq evidenza minima ssustanzjata li però jagħmlu xhur jew snin tilgħin il-Qorti, anke bl-assi tagħhom depożitati l-qorti. 

Jiġuna f’moħħna wkoll tfal li jkollhom ibatu minħabba burokrazija żejda fil-proċess legali li jkollhom jgħaddu minnu l-ġenituri fejn kulħadd jgħid tiegħu f’kawżi li jiġġebbdu snin sħaħ bl-istess tfal jispiċċaw jitilgħu f’inċertezza ta’ ma’ min hu l-aħjar li jkunu. Nistgħu nibqgħu nsemmu għax il-lista ta’ persuni li sfortunatament qegħdin jiġu mxekkla milli jkomplu jgħixu ħajjithom minħabba kawżi pendenti mhumiex ftit.

Nemmnu bis-sħiħ li kulma jixtieq iċ-ċittadin huwa li kulħadd iħallas ta’ għemilu u li ssir ġustizzja fil-verità. Mhix kwistjoni ta’ vendetta, iżda ġustizzja li tista’ twassal biex il-poplu jħossu aktar sigur kemm f’daru, fuq il-post tax-xogħol, fit-toroq u kull fejn ikunu. 

Is-sitwazzjoni f’Għawdex tibqa’ daqsxejn domanda għal bosta Maltin u Għawdxin. Il-problema tal-marixxalli jeħtieġ li tiġi indirizzata u li n-notifiki hija biċċa uġigħ ta’ ras ferm ikbar minn Malta biex jaslu. Għandek kawżi li jersqu għall-ewwel seduta b’tali mod li l-Maġistrat tiftaħ jew jiftaħ il-file u ssib li ma tkunx inħarġet l-ittra tan-notifika meta s-seduta kellha tkun il-bidu tal-kawża. 

L-aċċessibbiltà tal-binja hija xi ħaġa oħra li ilna wisq żmien nisimgħu dwarha. Il-Qorti t’Għawdex ilha wisq titkarrab għal sit ġdid fejn tkun tista’ taqdi dmirijietha u għalkemm kien hemm żmien fejn is-sitwazzjoni kienet waħda agħar milli hi llum, ftit li xejn nistgħu ngħidu li din il-Qorti hija waħda li tista’ taħdem biex topera kif mistenni minnha.

Ekonomija

Sport