Thursday, April 25, 2024

Mill-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Minn MIRIAM DALLI

Ġimgħa li għaddiet malajr, mhux b’inqas għax kienet il-ġimgħa tal-Plenarja, b’numru ta’ sessjonijiet ta’ voti u x-xogħol preparatorju li jkun hemm bżonn isir. Kienet sessjoni interessanti, b’temi varji.

Spikkaw fost oħrajn suġġetti mill-aktar interessanti fosthom strateġija Ewropea dwar id-diżabilita’ u anke’ dibattiti dwar il-qtil fl-Amerika ta’ George Floyd u kif il -COVID-19 kellha impatt fuq il-politika esterna, il-miżinformazzjoni, il-mod kif titħaddem iż-żona Schengen u l-protezzjoni tal-ħaddiema staġjonali li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea.

Ħassejtni kburija li nifforma parti mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, għax il-prinċipji tagħna fil-qasam soċjali rriflettew pożizzjonijiet b’saħħithom fl-istrateġija Ewropea għas-snin li ġejjin dwar il-persuni b’diżabilita’. Nemmen li rridu ngħinu lill-persuni b’dizabilita’ biex jgħixu ħajja indipendenti. Din hija issue li ħdimt fuqha fl-aħħar snin għax nemmen li għandna ħafna persuni b’diżabilita’ li kapaċi jgħixu b’mod indipendenti jekk jingħataw l-għajnuna biex jagħmlu dan u jkunu qed jgħixu f’postijiet għalihom. Rajt dan fil-prattika f’Għawdex fejn persuni b’diżabilita’ jgħixu f’appartamenti fil-komunita’ b’mod indipendenti. Għalijja l-ugwaljanza tfisser li ngħelbu l-ostakli li jtellfu persuna milli tgawdi mill-opportunitajiet li jista’ jkollha.

F’vot separat, ivvuttajt favur it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar il-kanċer, li l-għan tiegħu huwa li jippromwovi kooperazzjoni Ewropea għal prevenzjoni, dijanjożi, kura, riċerka biex nintensifikaw il-ħidma fuq dan is-suġġett. Se nibqa’ naħdem biex l-Unjoni Ewropea tiddedika investiment akbar fir-riċerka għal trattamenti li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Għalhekk qed inkompli niltaqa’ wkoll ma’ aktar organizazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer b’mod partikolari fil-qasam tal-kanċer fit-tfal. Irridu nagħmlu ħafna aktar biex nindirizzaw il-mard rari u l-kanċer fit-tfal. Qedgħin f’sitwazzjoni fejn mill-2006, kellna biss disa’ mediħini li ġew approvati għall-kanċer pedjatriku, meta mqabbel mal-150 mediċina kontra l-kanċer fost l-adulti.

Barra x-xogħol relatat mal-plenarja, komplejt bix-xogħol tiegħi f’Malta. Żammejt ħafna mil-laqgħat b’mod remot għax nemmen li ħafna xogħol jista’ jsir b’mod remot bl-aktar mod effettiv mingħajr ma nkomplu nżidu aktar tniġġiż fl-arja. Għamilt xi laqgħat oħra b’mod fiżiku, fosthom żort l-Ghammieri biex inkompli niddiskuti aktar dwar l-isfidi fil-qasam tal-biedja u s-sajd.

Qed naħdem fuq is-sigurta tal-ikel u bħalissa għaddejjin numru ta’ riformi fuq livell Ewropew. Għalhekk irrid nara li nirrappreżenta dejjem bl-aħjar mod l-interess ta’ pajjiżna u tal-ħaddiema f’dan is-settur tant importanti għal gżejjer tagħna.

Dwar l-immigrazzjoni irregolari, qed ikun hemm bidla fid-diskorsi fil-Parlament Ewropew fejn jirrikonoxxu li Malta ma tistax tibqa’ waħedha. Il-problema hi n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew biex ikun hemm żblokk. Aħna nafu fejn irridu mmorru: irridu rilokazzjoni mandatorja u riforma tas-sistema tal-azil. Huma l-gvernijiet tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jridu jingħaqdu wara dan il-messaġġ.

Sport