Saturday, November 23, 2024

Mill-Parlament Ewropew matul din il-ġimgħa…

Aqra wkoll

Miktub mill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli

Din il-ġimgħa mmarkat tliet snin ta’ Gvern Laburista biex kompla jtejjeb il-livell ta’ għixien tal-poplu Malti u Għawdxi. Ħidma li timxi id f’id mal-ħidma li nagħmlu fuq livell Ewropew, b’responsabilita biex il-ħidma tagħna tindirizza l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.

Dwar dan indirizzajt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista fejn fakkarna kif f’dawn it-tliet snin, diġa wettaqna 76% tal-Manifest Elettorali u kommessi biex f’dawn is-sentejn nilħqu l-mija fil-mija. 

Din il-ħidma trid tieħu ħsieb l-isfidi li nqalgħu minħabba l-pandemija. Din il-ġimgħa kont f’taħdita mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen fejn tkellimna dwar il-pjan ta’ irkupru ekonomiku. Insistejt dwar il-ħtieġa li ngħinu lill-pajjiżi bħal Malta. Huwa pożittiv li qed tingħata għajnuna għal investimenti u r-riformi… iżda din ma tistax twassal għal xi forma ta’ penali għal dawk il-pajjiżi li fl-aħħar snin ħadmu biex inaqqsu r-rata tal-qgħad kif għamel pajjiżna. Bl-istess mod, trid tiġi indirizzata s-sitwazzjoni turistika fejn pajjiż bħal tagħna m’għandux konnessjoni bl-art ma’ pajjiżi oħra. Dan ser ikollu l-impatt tiegħu. Fi kliem il-President tal-Kummissjoni, il-fondi ta’ koeżjoni se jkunu qed jieħdu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiż. Ix-xogħol tiegħi se jkun li naċċerta ruħi li dan jiġri fir-realta.

Irkupru jfisser ukoll appoġġ lin-negozji lokali. Bħalma semmejt fil-ġranet u l-ġimgħat li għaddew, qed nagħmel ħilti biex ngħin liż-żgħażagħ li jaraw il-futur tagħhom fil-qasam tal-biedja. Din il-ġimgħa stess laqqajt żgħażugħ b’ideat intraprenditorjali u innovattivi mas-CEO tal-Pitkalija bil-għan li jinħolqu ideat kontra l-ħela ta’ ikel frisk, ħaxix u frott. Il-ħela ta’ ikel ma tagħmel ġid lil ħadd: la lil bejjiegħ, la lill-konsumatur u wisq anqas lill-ambjent tagħna. Dan iż-żgħażugħ, Cane Vella, huwa l-moħħ wara l-ħolqien ta’ komunita online li fiha n-nies huma mħeġġa jpartu ħaxix u frott jew prodotti magħmula minnhom. 

Fil-ħidma tiegħi komplejt bil-kampanja ta’ għarfien dwar il-vjolenza domestika. Qed nagħmel ħilti biex din il-pjaga fis-soċjeta ma tiġix diskussa biss meta joħorġu ċifri ġodda, jew nisimgħu b’xi każ ikrah fl-aħbarijiet. Għalhekk inħeġġiġkom tibqgħu ssegwu dan l-ispazju u l-paġni tiegħi fuq il-mezzi soċjali għal aktar tagħrif. 

Sport