Thursday, November 7, 2024

Mill-Parlament Ewropew … noħolqu aktar għarfien

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub mill-Europarlamentari Miriam Dalli

Huma professjonisti li jaħdmu mingħajr kumplimenti iżda mingħajrhom ħajjitna ma tkunx sigura. Qed nitkellem dwar il-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni taċ-Ċivili (CPD). Din il-ġimgħa ltqajt mad-direttur tas-CPD u membri oħra biex flimkien naraw kif nistgħu noħolqu aktar għarfien – speċjalment matul ix-xhur tas-sajf – biex nevitaw inċidenti bħan-nirien li ħakkmu l-Aħrax tal-Mellieħa. Minnbarra għarfien, jeħtieġ aktar azzjoni u infurzar biex ċertu inċidenti jkunu evitati. Dan ma jgħoddx biss għal meta nkunu barra nagħmlu BBQs imma anke għal x’miżuri ta’ sigurtà nistgħu nieħdu fir-residenzi u n-negozji tagħna.

Din il-ġimgħa komplejna bil-konsultazzjoni bħala parti mill-proġett li qed inmexxi ‘Small Changes, Big Impact’. Tibdiliet żgħar li jagħmlu d-differenza. F’pajjiżna kibret id-diskussjoni dwar l-ambjent, l-impatt tal-azzjonijiet tagħna u x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu l-ambjent. Dan ma jgħoddx biss għall-konsumaturi, iżda jgħodd ukoll għal kif inmexxu n-negozji u kif l-intrapriżi żgħar u medji joperaw; ifisser ukoll bħala ċittadini kif nistgħu nadattaw il-ħajja ta’ kuljum tagħna biex inkunu aktar kuxjenzjużi dwar l-attivitajiet tagħna. Bħalissa fuq il-mezzi soċjali, u b’mod partikolari Instagram, għaddejjin b’numru ta’ polls biex naraw ftit x’qed jinteressa l-aktar lil min jagħmel użu mill-mezzi soċjali onlajn u x’azzjonijiet jieħdu jekk ċertu miżuri jkunu fis-seħħ. Huwa eżerċizzju interessanti u għalhekk nistedinkom issegwu l-paġna tiegħi biex meta dawn il-polls joħorġu onlajn tkunu tistgħu tieħdu sehem intom ukoll. 

Fuq livell dirett tal-Parlament Eworpew, kelli l-ewwel laqgħa mal-grupp ta’ ħidma fuq rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-immigrazzjoni legali. Dan ir-rapport, bit-titlu ‘New Avenues for Legal Labour Migration’, qed isir fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew biex nifformulaw politika dwar migrazzjoni legali. Ġejt inkarigata biex inmexxi n-negozjati għal Parlament Ewropew, u l-ħsieb tiegħi huwa li jkollna politika li tkun tista’ tipprovdi ħaddiema fejn hemm nuqass ta’ ħaddiema għal ċertu xogħolijiet bl-għan aħħar li nnaqqsu l-immigranti ekonomiċi li ħafna minnhom jippruvaw jidħlu fil-pajjiżi b’mod illegali. 

Temmejna n-negozjati dwar liġi li għandha tassigura sistema fejn inkunu nafu b’mod reali kemm iniġġżżu fit-toroq tagħna l-karozzi. Sodisfatta li permezz tan-negozjati li għamilt rnexxilna nġibu l-gruppi politiċi fuq pożizzjoni li mbuttajt sa’ mill-bidu nett: dik li nassiguraw s-saħħa taċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. 

Ix-xogħol tiegħi favur biedja aktar sostenibbli kompla din il-ġimgħa, hekk kif iltqajt mal-Viċi President Frans Timmermans u semmejtlu l-issue li huma ta’ l-akbar tħassib għal bdiewa Maltin, ewlenin fosthom li l-bdiewa f’pajjiżna għandhom artijiet ferm iżgħar minn pajjiżi oħra u allura ċ-ċirkostanzi tagħhom irridu jiġu kkunsidrati b’aktar serjetà. 

Il-ħidma tkompli fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom fuq il-pjan ta’ rkupru ekonomiku wara COVID-19.

Sport