Monday, April 22, 2024

Mill-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Miktub mill-MEP Miriam Dalli

Nittama li Jum l-Omm kien wieħed tajjab għal kulħadd, anke għal dawk li minħabba l-pandemija ma setgħux igawdu dan il-jum flimkien ma’ uliedhom. 

Fil-Parlament Ewropew qed naħdem biex intaffu l-impatt tal-isfidi li ħolqot il-COVID19. Fosthom illi meta tinstab it-tilqima kontra dan il-virus, ikun hemm xiri konġunt biex l-ebda pajjiż – speċjalment bħal Malta – ma jispiċċa jikkompeti ma’ pajjiżi akbar għax-xiri tat-tilqima.

Imma dan il-proċess m’għandux jieqaf max-xiri ta’ vaċċin għal COVID19. L-istess sistema għandha tapplika f’każijiet ta’ mard rari. Biex nagħti eżempju prattiku, naf li f’Malta hawn ħames individwi illi l-mediċina partikolari li għandhom bżonn ma tiġix impurtata mill-aġent, għax is-suq huwa żgħir wisq. Iżda jekk dan ix-xiri jsir aktar minn pajjiż wieħed f’daqqa, is-sitwazzjoni tinbidel. Li qed nimbotta għalih huwa aċċess ġust, indaqs u ugwali għal mediċina ta’ kwalità. Il-grupp tas-Soċjal Demokratiċi jaqbel miegħi u flimkien qegħdin niddiskutu mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan.

Wieħed mill-agħar setturi milquta minn din il-pandemija huwa dak tat-turiżmu. Fl-aħħar ġimgħat tkellimt mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif se tingħata għajnuna lin-negozji ż-żgħar b’mod partikolari dawk li huma negozji tal-familja. Filfatt issa qed nistennew liema proposti se tressaq il-Kummissjoni Ewropea biex tgħin lis-settur turistiku. Hemm ukol l-aspett tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward ippreżentajt mistoqsija b’urġenza dwar xi ħsibijiet għandha l-Kummissjoni Ewropea għal ħolqien ta’ fond ta’ emerġenza għall-ivvjaġġar biex tagħti l-appoġġ meħtieġ u tiggarantixxi d-drittijiet tal-konsumaturi. Staqsejt ukoll x’garanziji tista’ tagħti biex tipproteġi lil dawk il-konsumaturi f’każ li jkun hemm kumpaniji li jfallu. 

Din il-ġimgħa, fil-Grupp politiku tagħna kellna diskussjoni mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea MarošŠefčovič dwar il-pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa pjan ta’ azzjonijiet u politika li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed taħdem fuqu tul is-sena 2020. Ġustament, dan il-programm issa jrid jieħu in konsiderazzjoni l-impatt tal-imxija tal-Coronavirus. Ħadt l-opportunità biex għal darb’oħra niġbed l-attenzjoni ta’ Kummissarju ieħor dwar l-impatt tal-pandemija fuq l-immigrazzjoni irregolari u kif pajjiżi oħra mhumiex qed jagħmlu l-parti tagħhom biex jgħinu lil Malta. Il-messaġġ tal-Gvern Malti dwar rilokazzjoni mandatorja wassaltu wkoll mat-tmexxija tal-Grupp tal-S&D. Dan ukoll wassal biex il-president innifsu tal-kumitat tal-libertajiet ċivili fil-Parlament Ewropew jisħaq mal-Kummissarju tal-immigrazzjoni Ylva Johannson li hemm bżonn li l-pajjiżi kollha jintrabtu bil-prinċipju tas-solidarjetà u li ma jistgħux għalhekk jaħarbu minn rilokazzjoni mandatorja. 

Sport