“Il-każ tan-Nadur huwa każ fejn saret ġustizzja bil-liġi però mhux ġustizzja fis-sens illi min għamel il-ħażin ser iħallas għalih”. Dan iddikjaratu l-Avukata Dr Deborah Schembri f’kumment li tat lil dan il-ġurnal b’rabta mas-sentenza ta’ allegat stupru fuq minuri f’Għawdex li ngħatat mill-Qorti tal-Appell Kriminali.
Dr Schembri spjegat li sfortunatament minħabba issues proċedurali frott il-liġi kif kienet fl-2007/2008, l-allegati stupraturi kienu kapaċi jixtru s-silenzju ta’ tfajla li r-rakkont tagħha dwar l-abbuż li ġarrbet juri kif dan beda jseħħ sa mill-età ta’ 11-il sena.
Spjegat li dan baqa’ għaddej b’mod kontinwu u minn diversi persuni b’impunità legali. Illum il-proċeduri li minħabba fihom ma setgħetx issib ħtija l-Qorti, fosthom bi dħul ta’ liġijiet li jipproteġu l-vittma ta’ stupru kullimkien, f’kull każ anki meta hija tkun se tixhed jew tkompli bil-każ għaliex tkun mhedda jew imħallsha biex tagħlaq ħalqha.
L-Avukata rrimarkat li dan il-każ jixħet dawl ukoll fuq id-dinamika tal-abbuż mill-kleru u minn nies affiljati ma’ nies influenti fis-soċjetà. Qalet li dan bħal politiċi meta dawn jagħmlu pressjoni indebita fuq persuna speċjalment biex jostru reati u ma ssirx ġustizzja mal-vittma.
Dr Schembri tenniet tgħid; “Naħseb li wasal iż-żmien li nilleġiżlaw fuq dan l-aspett ukoll”.

