Sunday, November 24, 2024

Min għandu xagħru twil 30 cm jista’ jagħtih donazzjoni lil MCCF

Din is-sena diġà tqassmu 74 parokka

Aqra wkoll

Kull min għandu xagħru b’saħħtu, mhux iqsar minn 30 ċentimetru u mhux ibbliċjat jista’ jagħti x-xagħar b’donazzjoni għall-parrokki. Ix-xagħar għandu jinqata’ xott u jintbagħat lill-MCCF f’sarvetta tal-karti jew borża tal-karti flimkien mal-isem u l-indirizz tad-donatur. L-aħjar li ma jkunx malju. Ix-xagħar imbagħad jitnaddaf, jitqassam skont il-kulur, it-tip, u t-tul minn parrukkier professjonali li huwa espert fil-parrokki u jintbagħat barra minn Malta. Il-proċess jieħu madwar tnax u ħmistax-il ġimgħa.

Fl-2022, l-MCCF irċeviet 814-il donazzjoni ta’ xagħar u sa Ġunju ta’ din is-sena saru aktar minn 340 donazzjoni. Ix-xagħar jista’ jintbagħat bil-posta lil The Malta Community Chest Fund, Uffiċċju tal-President, il-Palazz, il-Belt, VLT 1115.

Tħabbar dan mill-President George Vella u s-Sinjura Vella fi żjara li għamlu fl-Uffiċċju ta’ The Malta Community Chest Fund (MCCF) fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC).

Matul iż-żjara, li għaliha kienu akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u ċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund John Huber, il-President u s-Sinjura Vella ngħataw informazzjoni dwar is-servizz tal-għoti ta’ parrokki magħmula minn xagħar naturali lill-pazjenti.

Il-President Vella radd ħajr lill-ħaddiema tal-MCCF u lill-professjonisti tas-SAMOC għad-dedikazzjoni tagħhom mal-pazjenti tal-kanċer. Dwar is-servizz tal-għoti tal-parrokki, il-President irrimarka li dan huwa servizz ieħor li jtaffi xi ftit mit-tbatija li jgħaddu minnha persuni li jitilfu xagħarhom minħabba l-kura li jkunu qed jieħdu għall-kanċer u kundizzjonijiet mediċi oħra. Il-President kellu kliem ta’ tifħir u rringrazzja lil kull min jagħżel li jagħti xagħru lill-MCCF bil-għan li jtejjeb il-ħajja ta’ dawn il-pazjenti.

L-għoti ta’ parrokki lill-pazjenti tal-kanċer beda jingħata mill-MCCF f’Novembru tal-2015. Is-sena li għaddiet, 80 pazjent ibbenefikaw minn dan is-servizz, filwaqt li mill-bidu ta’ din is-sena ’l hawn diġà tqassmu 74 parrokka.

Sport