Friday, May 3, 2024

Min iħaddem għandu obbligu legali li jipproteġi lill-impjegati mill-fastidju sesswali

- Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), bħala l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza, fi stqarrija fakkret li min iħaddem għandu dmir bil-liġi li jipproteġi lill-impjegati mill-fastidju sesswali. Dan, sostniet din il-Kummissjoni, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. 

“Min iħaddem huwa obbligat li jieħu azzjoni kontra persuni li, wara investigazzjonijiet interni ġusti, jinsabu li kellhom imġiba sesswali mhux aċċettabli. Dan l-obbligu japplika anke meta jkun hemm proċedimenti pendenti quddiem il-qrati kontra l-persuni akkużati b’din l-imġiba. Dan ifisser li min iħaddem ma jistax sempliċiment iħalli f’idejn il-Qorti u jonqos milli jieħu azzjoni li tipproteġi s-saħħa u l-benesseri tal-impjegati,” spjegat l-NCPE.

Din ikkwotat l-Artiklu 9 (2) tal-Kapitolu 456 tal-liġijiet ta’ Malta li jgħid: “Persuni  responsabbli  għal  xi  post  tax-xogħol, stabbiliment jew enti edukattivi li jipprovdi taħriġ jew gwida vokazzjonali jew għal xi stabbiliment fejn jiġu offruti oġġetti, servizzi jew faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni lill-pubbliku, m’għandhomx jippermettu lil persuni oħra li jkollhom jedd ikunu preżenti fi, jew li jagħmlu użu minn xi faċilità, oġġett jew servizz ipprovdut f’dak il-post, li jġarrbu fastidju sesswali f’dak il-post.”

L-NCPE tenniet li l-fastidju sesswali huwa forma ta’ vjolenza tal-ġeneru u impożizzoni abbużiva ta’ poter u kontroll fuq ħaddieħor. Ħafna każijiet ta’ fastidju sesswali ma jiġux rappurtati minħabba l-biża mill-agressur u tħassib dwar nuqqas ta’ protezzjoni wara li jkun sar ir-rapport. 

Għalhekk, wissiet il-Kummissjoni, “huwa essenzjali li min iħaddem jieħu l-fastidju sesswali bl-akbar serjetà u attivament iwassal il-messaġġ li se jittieħdu l-miżuri kollha għall-ħarsien tal-impjegati. Fejn dan ma jsirx, mhux biss jitpoġġew f’riskju l-impjegati, iżda wkoll inaffar impjegati oħra li qegħdin jesperjenzaw fastidju sesswali milli jirrapportaw il-każ tagħhom”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport