Monday, May 13, 2024

Min iwettaq il-bullying jista’ jkollu bżonn għajnuna daqs il-vittmi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għandna niffukaw fuq il-komunikazzjoni mat-tfal biex inkunu nistgħu ngħinuhom u nħeġġuhom ifittxu l-għajnuna fejn ikun hemm il-bżonn. Għandna ukoll inħeġġu lit-tfal biex jitkellmu jekk ikunu jafu b’xi każijiet u mhux iħallu l-affarijiet għaddejjin.”

Iddikjarat dan il-Kummissarju tat-Tfal Antoinette Vassallo meta mistoqsija dwar il-każijiet rappurtati l-ġimgħa li għaddiet fejn tfal u żgħażagħ dehru f’filmati li nxterdu fil-midja anke jużaw vjolenza fiżika.

Vassallo qalet li l-uffiċċju mmexxi minnha dejjem enfasizza dwar il-bżonn li t-tfal jiġu mgħallma biex ikollhom aktar empatija sabiex ikunu jafu l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom. Hawnhekk hija żiedet tgħid li dan it-tagħlim għandu jiġi mill-ġenituri u għalhekk għandhom ikunu huma fuq quddiem nett biex jagħtu l-aħjar eżempju lil uliedhom.

Iżda mhux biss, il-Kummissarju tat-Tfal enfasizzat li dan it-tagħlim irid isir f’kunċett ta’ katina fejn dak l-eżempju tal-ġenituri jissaħħaħ b’valuri tajbin trasmessi mill-edukaturi fl-iskejjel li huma meqjusin bħala t-tieni dar ta’ dawn l-istudenti.

Dwar il-każijiet rappurtati fil-Belt Valletta u fl-MCAST, L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qalilna li ma joffrix servizzi u għalhekk ma jidħolx f’każijiet individwali ta’ bullying. Madanakollu spjegat tgħidilna li jekk l-uffiċċju jircievi xi każ, jirreferih għand l-entitajiet konċernati minnufih. 

Mistoqsija jekk tinsabx f’pożizzjoni li tikkjarifika dwar jekk dawn il-każi ta’ bullying naqsux, baqgħux l-istess jew żdidux fl-aħħar snin, Vassallo qalet li għalkemm qegħdin nisimgħu b’iktar każijiet fil-midja jista’ ikun li iva, minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija hija iktar faċli li nisimgħu bihom u għalhekk l-interess tal-poplu kollu għandu jkun li jgħin kif jista’ biex kemm jista’ jkun dawn l-affarijiet ma jirrepetux ruħhom.

Dwar it-triq ’il quddiem, il-Kummissarju tat-Tfal qalitilna li f’każijiet bħal dawn, għandna noffru l-għajnuna kemm lill-vittmi kif ukoll lill-dawk li qegħdin iwettqu l-bullying għaliex jista’ jkun ukoll li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. 

Sport