L-attakki konġunti tal-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran huma s-suġġett tal-mument. Aktar minnhekk, huma l-inkwiet serju tal-mument. Id-dinja, li diġà hija mifnija biż-żewġ gwerer kbar fl-Ukrajna u f’Gaża, inħasdet bl-aħbar ta’ gwerra serja oħra.
Dak li qiegħed jivolġi fil-Lvant Nofsni b’pajjiżi alleati maż-żewġ naħat, hemm biża’ reali li se jkun hemm eskalazzjoni u firxa. Dawn it-tnejn diġà seħħu. Il-biża’ l-aktar li tlum hija dik li din l-aħħar tensjoni politika internazzjonali tagħti bidu għat-Tielet Gwerra Dinjija. Ma setgħux, għaldaqstant, jonqsu l-protesti bl-għajta “le għall-gwerra” iżda, ma naqsux ukoll id-dimostrazzjonijiet favur dawn l-attakki b’Iranjani minn madwar id-dinja jifirħu.
“Le għall-gwerra”… Dimostrazzjonijiet fatali
It-toroq tal-Istati Uniti, proprju wieħed miż-żewġ pajjiżi li attakkaw lill-Iran, imtelew b’folol jipprotestaw kontra dawn l-attakki konġunti ma’ Iżrael fuq l-Iran. Iżda, il-protesti ma kienux limitati għall-Istati Uniti biss. Dawn saru wkoll madwar l-Ewropa kollha b’dik prinċipali f’Londra.
B’rabja għall-qtil tal-Mexxej Suprem Iranjan Ayatollah Ali Khamenei, saru wkoll protesti kontra l-imperjaliżmu fl-Iran stess u mal-Indja kollha. Eluf ta’ Indjani ħarġu fit-toroq il-Ħadd f’rallies kontra l-Istati Uniti u kontra Iżrael. Dawn id-dimostrazzjonijiet damu jum sħiħ dakinhar stess li sar l-ewwel attakk.
Għadd ta’ protesti oħra saru fil-Pakistan b’eluf ta’ nies quddiem l-Ambaxxata Amerikana fejn mill-inqas disa’ persuni nqatlu u għadd oħra sfaw midruba wara li l-pulizija fetħet in-nar fuq in-nies. Mentri, f’Bagħdad eluf oħra ta’ nies iġġieldu mal-pulizija waqt li kienu qegħdin jippruvaw jaslu quddiem l-ambaxxata Amerikana.
Eluf oħra ta’ nies fil-Greċja ngħaqdu wkoll quddiem l-ambaxxata Amerikana biex jagħmlu protesta kontra l-aggressjoni u l-ibbombardjar tal-Iran. Protesti oħra kontra din il-gwerra saru fil-Kananda u fit-Turkija.
Joħorġu l-Iranjani f’pajjiżi barranin…
Għalihom l-attakki huma salvazzjoni
Mentri, b’sentiment oppost ta’ ferħ u sostenn, saru dimostrazzjonijiet favur l-attakki fuq l-Iran. Nies Iranjani fl-Istati Uniti, f’Berlin fil-Ġermanja, f’Yerven fl-Armenja, f’Messina fl-Italja għanqu lil xulxin f’eżaltazzjoni u ċelebrazzjonijiet għal dawn l-attakki.
Din it-taħlita ta’ sentimenti taqsam l-opinjoni pubblika. Però, infakkru li bil-gwerer ma jissolva xejn. Kulma jinkiseb huwa kontroll u poter bil-prezz qares ta’ telf ta’ ħajjiet u qirda. Dawk l-Iranjani u popli oħra li qegħdin jifirħu b’dawn l-attakki qegħdin jagħmlu dan għax jgħidu li nħelsu minn awtoritajru fl-Iran mentri, dawk l-eluf l-oħra f’pajjiżi differenti li qegħdin jibku u qegħdin jagħmlu dan għat-telf tal-ħajja u għat-telf ta’ paċi fid-dinja.



