Tuesday, March 25, 2025

Min jipprattika l-atletika mhux biss iħossu aħjar fiżikament u mentalment, iżda wkoll ibiegħdek mill-vizzji – Josef Buttigieg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tieghi lejn l-atletika bdiet minn ta’ etá żgħira fejn kont nilgħab il-futbol u anke kont nieħu sehem fi sports days bejn l-iskejjel kollha ta’ Għawdex. Niftakar meta jien u ħabib tiegħi Mark konna rbaħna l-ewwel post fi 3 leg race.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Dawn l-aħħar ħames snin erġajt bdejt nittrenja b’mod regolari u ħadt sehem f’ħafna tiġrijiet minn 5k sa Nofs Maratona. Fi tliet darbiet li ħadt sehem fin-Nofs Maratona irnexxieli dejjem innaqqas il-ħin. 

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika f’pajjiżna huwa ta’ livell tajjeb ħafna u min jidħol f’etá żgħira zgur li fil- futur ikollu suċċessi tajbin anke barra minn Malta. It-taħriġ jinvolvi ħafna sagrifiċċju u bilanc bejn il-familja u x-xogħol. Tara kif se ssib il-ħin ġieli filgħodu jew tard bil-lejl. Bħala tim għandi ħbieb li nsibhom ta’ għajnuna kbira kemm fil-ġiri u anke bir-rota. Ħafna drabi niġru fil-korsa taż-żwiemel. Meta niġru fit- toroq naraw li nirrispettaw lil min ikun isuq. Huwa ħafna importanti li fit-triq nilbsu lbies riflettiv u mhux skur li ma jidhirx u anke nużaw xi dwal meta jkun id-dlam. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Kompetizzjonijiet f’Għawdex għandna ħamsa. Il-konkorrenza dejjem iżżid fejn jidħlu t- tfal ta’ etá żgħira sa anke min jiġi għall-mixja minn nies ta’ kull etá. Għalija kull kompetizzjoni hija test biex ittejjeb il-ħin li tkun għamilt qabel. Vera li tlieta jirbħu iżda s-sensazzjoni ta’ kull atleta li jaqsam il-linja finali huwa ta’ sodisfazzjon kbir wara ħafna xhur ta’ taħriġ. Nara ħafna rispett u għajnuna minn atleti tajbin. Kull atleta għandu post biex dawn il-kompetizzjonijiet jibqgħu isiru u jissaħħu.

Naħseb li wasal iż-żmien li jiġi rispettat il-kalendarju ta’ tiġrijiet li jiġu ppjanati minn qabel kemm ta’ Malta u anke ta’ Għawdex. Ma jistax ikollok tiġrijiet ma’ xulxin peressli l-istess atleti jkunu se jieħdu sehem fihom. Dan jgħodd ukoll għal min ikun qed jorganizza bil-ftit riżorsi li għandna u anke minħabba pjanar ta’ għeluq ta’ toroq. Inħossni dejjem grat għall-isponsors li bl-għajnuna tagħhom u tal-atleti jinġabru ħafna flus għall-karitá.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Ghalkemm minix professjonali fl-atletika, xorta waħda tgħinni fil-ħajja, fejn inżomm dieta tajba kif ukoll nirrispetta l-ġranet fejn il-ġisem tagħtih il-mistrieħ neċessarju. Trid timmotiva lilek innifsek anke billi tara atleti oħrajn fil-mixja tagħhom. Persuna li jimmotivani huwa Stephen Sammut Nurminen li jgħin ħafna atleti kemm bħala taħriġ u anke bħala nutrizzjoni. Għall-futur nixtieq li nkompli ntejjeb il-ħinijiet tiegħi u nippjana kif inżid it-taħriġ li jkun jista’ jwassalni li xi darba nasal f’punt li nagħmel Maratona ta’ 42 kilometru.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tieghi għal min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika huwa li jibda bilmod u jħalli l-ġisem jadatta kif ukoll tkun dixxiplinat miegħek innifsek. Min jipprattika l-atletika mhux biss iħossu aħjar fiżikament u mentalment, iżda wkoll ibiegħdek mill-vizzji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport