Tuesday, April 16, 2024

“Min jiżra’ r-riħ, jaħsad ir-riefnu” – l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Aqra wkoll

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, li saret ilbieraħ filgħaxija waqt quddiesa organizzata mill-Grupp Familji Nsara (GRUFAN) fit-tielet Ħadd tal-Avvent sabiex tfakkar il-festa tal-Familja Mqaddsa.

L-Isqof Galea-Curmi tkellem dwar il-valuri attwali tal-imħabba, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja u tal-onestà u kif bħala soċjetà għandna naħdmu sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jservu tassew ta’ ġid għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

Fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-Parlament dwar il-liġi tal-kannabis, l-Isqof qal li jkun tassew tat-tħassib li “ikollok l-esperti li jaħdmu fil-qalba tal-komunità li jgħidulek ‘attent, ara sew il-konsegwenzi ta’ dak li se tagħmel’ u int ma tagħtix kas”. Huwa appella lill-politiċi, li qal li għandhom responsabbiltà kbira, sabiex jerfgħuha u jagħrfu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom: “Nappella biex nagħrfu tassew il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna. Niftakru li min jiżra’ r-riħ, jaħsad ir-riefnu. Jekk min għandu responsabbiltà ma jagħtix kas il-preokkupazzjonijiet ta’ tant nies, meta jgħaddu s-snin, ħadd ma jkun jista’ jgħid li ‘aħna lkoll responsabbli’ għall-ħsara li tkun saret. Le, m’aħniex se nkunu aħna responsabbli ta’ dan.”

Huwa temm jgħid li fil-familji tagħna għandna niżirgħu x-xtieli tal-imħabba, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja u tal-onestà għaliex “dawn huma x-xtieli li għandna niżirgħu d-dar, u ċertament ma jkollniex għalfejn naħbuhom mit-tfal, anzi nistgħu nistiednu lit-tfal anke żgħar biex jgħożżuhom, jindukrawhom, jarawhom jikbru u jgawduhom. Iġibu biss ġid u ferħ fil-familji tagħna”.

Ekonomija

Sport