Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bażikament, il-passjoni tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira. Jien bniedem mill-Furjana u l-futbol qiegħed f’qalb il-Furjaniżi kollha u nħoss li minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qrendi FC.
Ma’ Qrendi FC ilni dawn l-aħħar sentejn u nista’ ngħid li bħal kull staġun ikun hemm it-tlugħ u nżul kemm personali kif ukoll fl-iskwadra. Kienu sentejn fejn ħdimna fuq li ħdimna fejn saħansitra fl-ewwel sena konna ftit ‘il bogħod milli niksbu l-promozzjoni għaċ-Challenge League.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li ghadda, fejn fost oħrajn irnexxilkom taslu sal-finali tal-BOV Amateur Cup?
Rigward l-istaġun li għadda, nista’ ngħid li avolja wasalna sal-finali tal-BOV Amateur Cup, konna sfortunati b’ħafna injuries ukoll. Ma kienx staġun li kien ħaqqna nkunu fejn wasalna fil-kampjonat bl-iskwadra li kellna. Nemmen li stajna nagħtu ħafna iktar f’ċerti logħbiet u nuru iktar il-karattru tagħna fil-grawnd għax kellna materjal tajjeb ħafna. Imma dawn huma affarjiet li narawom anke minn timijiet barra minn Malta … min juri qalb u determinazjoni ikun iktar fil-qrib għas-suċċess.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Jien inħoss li l-livell tal-futbol Malti qed jimxi ‘l quddiem u ovvjament dejjem hemm fejn nitjiebu speċjalment fis-sezzjoni tan-nurseries u l-kowċis li jkun hemm. Irridu ndaħħlu mentalitá ta’ ċerta dixxiplina fit-tfal biex jibqgħu telgħin u nħoss li hemm il-futbol Malti jitla’ tarġa oħra ‘l fuq.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Rigward grawnds qegħdin ħafna ‘l bogħd minn dak li nixtiequ li nkunu fih. M’hemmx ħafna xi żżid fuqhom … il-plejers kollha ta’ Malta jafu x’jiġifieri pitches ta’ Malta u bekk jiġu kkawżati ħafna injuries.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Sena wara sena dejjem nibqa’ naħdem biex nilħaq l-ambizzjonijiet tiegħi. Ovvjament xtaqt li kelli karriera li stajt nibqa’ nilgħab Premier kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti imma dan ma kellux ikun. Barra min hekk xorta waħda qatt ma qtajt qalbi u bqajt miexi ‘l quddiem u nibqa’ naħdem biex ikolli futur interessanti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-ħajja m’għandek taqta’ qalbek qatt u trid tibqa’ temmen fik innifsek anke meta jkun hemm ħaddiehor li jipprova jwaqqfek jew ma jemminx fik. Żommu dixxiplina magħkom infuskom u tibżgħu qatt tieħdu sfidi ġodda f’ħajjitkom! Kuraġġ!