Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikkonferma li jaf biss jikkritika, jbeżża’ u fuq kollox jigdeb. Imma bħal dejjem mhux kapaċi joffri soluzzjonijiet. Lanqas waħda.
Jekk hemm xi ħadd li m’għandu l-ebda kredibbiltà dwar proġetti infrastrutturali, hija proprju l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li meta kienet fil-Gvern ħalliet it-toroq ta’ pajjiżna fi stat diżastruż. Illum drajna l-Partit Nazzjonalista jgħid le għal kollox u joħroġ kontra kull proġett ambizzjuż li jħares ’il quddiem u joffri futur aħjar għal pajjiżna.
Il-proġett tal-Imsida Creek huwa proġett infrastrutturali li ser jagħti nifs ġdid lill-Imsida. Il-5 proġett ta’ din ix-xorta li sar fl-aħħar 12-il sena, u kollu kemm hu Made in Malta. Kburin li dan ix-xogħol qed isir minn periti, inġiniera u kumpaniji Maltin. Proġett li mhux mibni għal-lum biss, iżda b’viżjoni fit-tul biex jagħti lura d-dinjità lil din iż-żona tal-Imsida bi spazji miftuħa ġodda.
Din hi eżattament id-differenza bejn Gvern Laburista li jaħdem u jimplimenta, u Oppożizzjoni li tipprattika biss il-politika tal-Facebook: komdi fil-gallarija, jikkritikaw kollox imma ma jipproponu xejn.
Il-Partit Laburista huwa l-uniku partit li jista’ jiggarantixxi progress infrastrutturali u investiment serju li jħalli frott fit-tul għall-Maltin u l-Għawdxin. L-attakki u l-biża’ li qed tipprova toħloq l-Oppożizzjoni mhux se jwaqqfuna milli nkomplu nwettqu proġetti ambizzjużi fl-aqwa interess tal-pajjiż.
Filwaqt li oħrajn jitkellmu, aħna nibnu, ninvestu u nwasslu. Din hija d-differenza ċara bejn min jemmen fil-progress u min jibqa’ mwaħħal fil-politika tal-le.

